Lokali

“Dan hu mument fejn pajjiżna qed isejħilna” – Adrian Delia

Il-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Malta tipprovdi li pajjiżna huwa pajjiż demokratiku. F’demokrazija trid bilfors tirrenja s-saltna tad-dritt. Is-saltna tad-dritt tippreżumi li jkun hemm is-separazzjoni tal-poteri. Fl-aħħar ġranet sfortunatament qed naraw u ngħixu li f’pajjiżna dawn il-poteri kollha qed jnħakmu taħt persuna waħda.

Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia wara li iktar kmieni llum, il-Partit Nazzjonalista laqqa’ l-ogħla organi tiegħu u neża’ d-differenzi kollha ħalli jqum għas-sejħa nazzjonali li pajjiżna qed jitlobna li nsegwu. Mhux qed qed ngħixu f’mument fejn iridu jsaltnu biss l-interessi personali jew dawk partiġġjani. Il-pajjiż tagħna qiegħed isejħilna.  

Fl-aħħar ġranet rajna li din is-sejħa ntlaqgħet mis-soċjetà ċivili, llum il-PN rrijafferma illi l-ogħla interess mhux dak partiġġjan imma dak nazzjonali. Fl-aħħar ġranet jiena naf ukoll, u b’responsabbiltà ngħid illi diversi attivisti, membri u deputati tal-Partit Laburista qed jirrealizzaw, qed jifhmu u qed jilqgħu dan il-mument delikat ta’ pajjiżna u jifhmu l-konsegwenzi li jistgħu joħorġu minn dan il-mument diffiċli.

Jiena qiegħed hawn illum biex nagħmel appell partikolari, l-ewwelnett lill-Prim Ministru ta’ pajjiżna li jinsab l-interessi personali, illi jinża l-ħakmiet li qed iġegħluh ma jieħux l-aqwa deċiżjonijiet fl-interess nazzjonali u minflok iħares biss l-interessi tal-ftit. Pajjiżna jixraqlu aħjar. Kull wieħed u waħda minnkom għandu obbligu, għandu dover mhux biss li jikkritika, li josserva, li jara imma li jagħmel dak kollu li jista’. Kull persuna, kull Malti u Għawdxi lil hinn mill-partiġġjaniżmu, lil hinn mill-interessi personali, lil hinn mill-partiti li tradizzjonalment iħaddnu għandhom responsabbiltà lejn pajjiżna. Il-PN se jassumi din ir-responsabbiltà u jiena bħala Kap tal-Oppożizzjoni se nassumi r-responsabbiltà li tqegħdet fuqi bil-ġurament tal-ħalfa lejn il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.   Fl-aħħar ġranet kelli l-okkażjoni li nesprimi t-tħassib tiegħi lill-President tar-Repubblika ta’ pajjiżna. Issa huwa l-mument tagħkom, issa huwa l-mument ta’ kull Malti u Għawdxi, ejja ninsew dak li jifridna, ejja ningħaqdu fl-aqwa ġid għal pajjiżna, ejja nintebħu li f’dal mument irridu nsibu dak li jgħaqqadna u mhux ninħlew fuq dak li jifridna. Flimkien irridu noħorġu lill-pajjiżna minn din il-kriżi.  

Għandna kriżi Kostituzzjonali, għandna sitwazzjoni fejn għandna Prim Ministru li huwa illeġittimu. Għandna sitwazzjoni f’pajjiżna li t-triq ‘il quddiem irridu neħduha, nifmuha u nimxuha flimkien.

Fil-ġranet li ġejjin, l-Oppożizzjoni se tieħu kull inizjattiva mill-iċken sal-ogħla possibbiltà fit-termini tal-liġi biex tissalvagwardja d-demokrazija f’pajjiżna. L-appell tiegħi sinċier mhux partiġġjan, li ningħaqdu lkoll flimkien fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fil-ġlieda għad-demokrazija, fil-ġlieda għas-sewwa u nagħtu lil pajjiżna dak li verament jixraqlu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia għamel appell lill-Prim Ministru ta’ pajjiżna biex jinsa’ l-interessi personali u jinża’ l-ħakmiet li jġegħluh ma jiħux deċiżjonijiet nazzjonali, imma jipproteġi l-interess tal-ftit.

Qal li dan hu mument fejn pajjiżna qed isejħilna, fejn l-interess nazzjonali, u mhux partiġġjan, irid jirrenja. Fid-dawl ta’ dan irrefera għal kif anke membri fi ħdan il-Gvern u l-Partit Laburista qed jesprimu d-diżapprovazzjoni tagħhom għan-nuqqas t’azzjoni tal-Prim Ministru.

Adrian Delia ddikjara dan fi tmiem laqgħa fi tmiem laqgħa urġenti għall-Eżekuttiv u l-Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista fl-isfond tal-iżviluppi fil-qagħda politika delikata li żviluppat fl-aħħar jiem f’pajjiżna.

Hu fakkar kif is-saltna tad-dritt hi xi ħaġa protetta mill-Kostituzzjoni, u allura, fid-dawl ta’ dan mhux aċċettabbli li l-poteri qed jinġabru taħt idejn Prim Ministru illeġittimu, sal-punt li għandna kriżi kostituzzjonali.