Lokali

KONFERMATA: Il-Pulizija tinterroga lil tliet membri tas-Segretarjat ta’ Chris Cardona

Net News waslitlu informazzjoni li l-Ħadd filgħaxija, fid-Depot tal-Pulizija kienu qed jiġu interrogati 3 persuni viċin ħafna tal-Gvern, b’rabta mal-arrest ta’ Yorgen Fenech.

Skont informazzjoni li għandu Net News, wieħed minn dawn it-tlett persuni inġabar mill-pulizija u jinsab taħt interrogazzjoni.

Jidher illi t-tliet persuni qegħdin jiġu ikkunsidrati bħala suspettati u dan minħabba il-fatt illi ngħatat twissija. Din it-twissija ġeneralment tingħata lil min ikun suspettat, u dak li jgħid jista jinġieb kontrih jekk jitressaq.

Intant, matul il-jum tas-Sibt, Il-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona nnifsu issejjaħ fid-Depot fejn kien interrogat mill-Pulizija.

Siti tal-aħbarijiet indikaw li fost l-oħrajn, sarulu mistoqsijiet dwar l-iskandlu ta’ Acapulco. Dan apparti ir-rabtiet li l-istess Ministru għandu mal-familja Fenech, u l-fatt li hu kien kera appartament f’Portomaso. L-istorja ta’ din il-kirja kienet ġiet żvelata fl-2015 mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, b’allegazzjonijiet serji li hu kien ingħata dan l-appartament mingħajr ma ħallas ċenteżmu.

L-aħbar kienet konfermata mill-Ministru innifsu, li fi stqarrija xotta li ħarġet is-Sibt qal li ssejjaħ id-Depot biex “jiċċara kwalunkwe punti jew mistoqsijiet li jista’ jkun hemm fil-proċess ta’ din l-investigazzjoni”.