Hekk kif illum ġiet iċċelebrata l-festa liturġika ta’ Kristu Re, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, fid-diskors tiegħu l-Arċisqof Charles J Scicluna sostna li ħafna drabi ninsew is-sens vera tal-ġustizzja, fejn kulħadd jieħu li ħaqqu u ħadd m’għandu d-dritt jispkappa l-konsegwenzi tal-għemil tiegħu.
Huwa qal li meta Alla jitwarrab u postu jeħduh il-flus inkunu qed neqirdu lilna nfusna.Il-Mulej jeħles lill-poplu minn min juża s-setgħa tal-istat għall-vantaġġ personali u jaħseb li huwa fuq kulħadd, li l-ebda liġi ma tgħodd għalih, li jista’ joqtol, jisraq u jagħmel li jrid.
L-Arċisqof qal li meta npoġġu l-flus bħala l-alla tagħna, nispiċċaw neqirdu lilna nfusna. Żied jgħid li kull bniedem hu xbieha ta’ Alla u l-ebda bniedem, taqbel jew ma taqbilx miegħu ma jistħoqqlu li jmut għax hu jew hi huma ta’ skumdità għalik.
Huwa tkellem ukoll fuq il-kalvarju li għadda minnu Ġesù Kristu. Aħna ħafna drabi nistaqsu lilna nfusna jekk Alla hu veru Alla tal-imħabba.. kif jista’ jippermetti tant niket u inġustizzja? F’dan kollu, huwa saħaq li s-serħan tagħna jrid ikun fil-ħniena ta’ Ġesù.
Filwaqt li s-soltu, għal din iċ-ċelebrazzjoni jkun hemm mixja ta’ fidi lejn il-Konkatidral, din is-sena ċ-ċelebrazzjonijiet bdew mill-ewwel fil-Konkatidral ta’ San Ġwann minħabba li l-mixja ta’ fidi kellha titħassar ħabba l-maltemp.
Iċ-ċelebrazzjoni ta’ Kristu Re bdiet bit-talba tar-rużarju quddiem Ġesù espost. Hemm ingħatati l-Barka Sagramentali fejn wara tkanta t-Talba tal-Għasar. Waqt l‑Għasar, l-Arċisqof għmel ir‑riflessjoni tiegħu f’din il‑festa importanti għall‑Insara.
Preżenti kien hemm il-President tar-Repubblika Gorg Vella, l-Ispeaker tal-Kamra Anglu Farrugia kif ukol l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.
//= $special ?>