Lokali

‘Ħbieb tal-Ħbieb’ – Adrian Delia

Minkejja li kif tħabbar l-arrest ta’ Fenech, il-Prim Ministru qalilna li huwa ta ordna sabiex ma jipproteġiex lil Fenech jew lil ħadd ieħor, hu xorta qed jipproteġi lil Schembri u Mizzi.

Stqarr dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian f’artiklu li kiteb fuq is-Sunday Times of Malta

Huwa qal li l-arrest ta’ Yorgen Fenech din il-Ġimgħa, kien pass importanti ħafna, għax l-investigazzjonijiet jistgħu jwasslu għal aktar informazzjoni dwar il-każ li għadu mhux solvut, tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fakkar li Fenech, fost l-oħrajn mexxa konsorzju li rebaħ offerta maħruġa mill-Gvern biex jibni power station. It-Tlett persuni prinċipali li ħadem magħhom huma il-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi, ic-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Scehmrbi u l-Prim Ministru Joseph Muscat.

Adrian Delia nnota kif l-Ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia kixfet affarijiet xokkanti, inkluż strutturi finanzjarji li jgħaqqdu lil dawn il-persuni.

Qalb dan kollu hemm il-kumpanija 17 black, li hija l-propjetà ta’ Fenech.

Adrian Delia kompla jgħid kif f’Malta, għandna Gvern fejn l-ogħla uffiċjali minflok ma jagħmlu minn kollox sabiex toħroġ il-verita’, jagħmlu minn kollox biex jaħbuha.

Dan ħareġ miċ-ċar, meta Schembri ħarab milli jwieġeb f’każ li fetaħ hu stess fil-Qorti meta ġie akkużat minn Simon Busuttil b’involviment fit-tixħim ta’ 17 Black.

Minn naħa l-oħra, Mizzi, ippreżenta kawżi ta’ libell ukoll meta ġie akkużat li kien korrott. Dan għax ħaseb li wara li waqqaf kumpanija fil-Panama, Hearnville Inc, ma kien hemm l-ebda raġuni biex insejħulu kriminal. Imma Mizzi ħarab ukoll.Fid-dawl ta’ dan kollu, Adrian Delia qal li nistgħu ngħidu lil Konrad Mizzi u Keith Schembri f’wiċċhom li huma rranġaw biex jaċċettaw tixħim mill-Kumpanija ta’ Yorgen Fenech, 17 black. U issa ma’ jistgħu jagħmlu xejn dwarha, lanqas fil-Qorti.