Internazzjonali

L-elezzjonijiet f’Hong Kong: Riżultati pożittivi għall-moviment favur id-demokrazija

Il-moviment favur id-demokrazija għamel il-kisbiet notevoli fl-elezzjonijiet distrettwali ta’ Hong Kong. L-ewwel indikazzjonijiet huma li l-moviment rebaħ 137 mill-ewwel 157 siġġijiet iddikjarati s’issa — bil-kandidati favur iċ-Ċina jirbħu biss sittax.

Dan wara li ħarġu jivvutaw ammonti record ta’ residenti f’Hong Kong, tant li n-numri tagħhom issuperaw ‘fi ftit żmien’ it-total tal-votanti li ħarġu waqt l-elezzjonijiet tal-2015.

L-elezzjoniijiet qed jitqiesu bħala eżami għall-appoġġ tal-Kap Eżekuttiv ta’ Hong Kong, Carrie Lam, li fl-aħħar xhur kellha tikkonfronta l-agħar inkwiet għal snin fit-territorju. Il-gruppi li qed imexxu l-protesti favur id-demokrazija f’Hong Kong jittamaw li dan il-vot għandu jwassal messaġġ konkret lill-Gvern taċ-Ċina wara ħames xhur ta’ tensjoni u dimostrazzjonijiet imqanqla kontra l-awtoritajiet.

Qabel l-elezzjonijiet, il-movimenti favur id-demokrazija f’Hong Kong kienu ħeġġew lin-nies biex ma jaqilgħux l-inkwiet. Intant, ma kienu rappurtati l-ebda inċidenti gravi waqt il-ħinijiet tal-votazzjoni.

Għal dawn l-elezzjonijiet kienu reġistrati biex jivvutaw rekord ta’ 4.1 miljuni ( jew nofs il-popolazzjoni ta’ 7.4 miljun resident f’Hong Kong).

L-attivisti favur id-demokrazija qed jittamaw li jistgħu jżidu sew ir-rapprenżentanza tagħhom fil-kunsilli distrettwali tat-territorju, meta dawn għandhom element ta’ influwenza fl-għażla tal-Kap Eżekuttiv ta’ Hong Kong.