Lokali

Il-Gazzetti tal-Ħadd b’vuċi waħda biex tittieħed azzjoni

Il-ġurnali indipendenti tal-Ħadd kollha kemm huma ngħaqdu b’vuċi waħda l-isfond tal-iżviluppi inkwetanti tal-aħħar jiem, li bdew bl-arrest ta’ Yorgen Fenech u saħansitra żviluppaw sas-sejħa tal-Ministru Chris Cardona fid-depot.

Fost dawn Saviour Balzan, Direttur Maniġerjali ta’ Media Today, li fuq il-gazzetta Malta Today jiddikjara li m’hemm l-ebda dubju li hemm bżonn riżenji immedjati.

Jisħaq li quddiem provi u konnessjonijiet ċari, il-ministri u funzjonarji tal-Gvern li b’xi mod dirett jew indirett kellhom rabtiet diretti ma’ network ta’ kumpaniji sigrieti offshore, dawn ma jistgħux jibqgħu ggranfati mal-pożizzjoni tagħhom waqt li jisħqu li m’għamlu xejn ħażin.

Fl-istess gazzetta, l-editorjal miktub minn Matthew Vella jiddikjara ċar u tond li Joseph Muscat ma jistax inaddaf lilu nnifsu mill-impunità li taha l-barka tiegħu.

L-editur jiddikjara li anke jekk ineħħi lil Konrad Mizzi u Keith Schembri, Muscat ma jistax jagħti impressjoni  ta’ ndafa ladarba ta l-barka tiegħu u ma neħħihomx immedjatament fl-2016.

Fl-illum, l-editur Albert Gauci Cunnigham jiftakar f’laqgħa personali li kellu ma’ Joseph Muscat qabel laħaq Prim Ministru.

Jiddikjara li dakinhar kien jara lil Joseph Muscat bħala l-eroj li se jeħlisna iżda llum jgħid li qed jara madwaru riġment ċensiera, ħafna minnhom imħallsa mit-taxxi tagħna, li reġgħu qed jinċensaw.

Waqt li jsaqsi kif wieħed jista’ jispjega li Muscat żamm miegħu lil Konrad Mizzi, Gauci Cunningham jgħid li se jżomm mal-premessa li Muscat hu ‘l fuq mill-ftuħ tal-kumpaniji fil-Panama u kull intenzjoni korrotta.

Isemmi diversi każi u jistaqsi kif Muscat żamm miegħu lil Keith Schembri u ġġustifikah anke meta waqqa’ libell li fetaħ hu stess, qed jiġġustifika l-oxxenità ta’ VGH u li baqa’ ċass quddiem rivelazzjonijiet ta’ flus kbar deħlin għand 17 Black biex jitqassmu lill-kumpaniji ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Min-naħa ta’ The Malta Independent, l-editorjal iwassal messaġġ ċar, biex il-Prim Ministru Joseph Muscat isolvi din is-sitwazzjoni, u jsolviha mmedjatament għax dan kollu qed jagħmel ħsara kbira lill-pajjiż.L-editorjal ifakkar kif, minkejja l-wegħda tal-Prim Ministru li jagħmel dak kollu li jista’ biex isolvi dan il-każ, kellha tkun il-kamra tal-aħbarijiet tar-Reuters li tiżvela min hu s-sid tal-kumpanija 17 Black.