Lokali

Il-Gvern Malti jaċċetta wħud mill-213-il immigrant abbord l-Ocean Viking

Il-Ministeru tal-Intern Taljan ħabbar li pajjiżna hu wieħed minn grupp ta’ pajjiżi li offrew li jaċċettaw uħud minn grupp ta’ immigranti abbord l-Ocean Viking.

Il-bastiment, li għandu 213-il immigrant abbord, hu operat mill-għaqda mhux governattiva SOS Mediterranee u se jiddaħħal f’Messina, l-Italja.

Minn hawn, dawn l-immigranti mistennija jitqassmu bejn Malta, l-Italja, il-Ġermanja u Franza.

L-aħbar issegwi dik tal-bieraħ, li l-Forzi Armati ta’ Malta salvaw żewġ immigranti fuq bażi medika fosthom mara li tinsab fi stadju avvanzat tat-tqala, u mistennija jkollha tewmin, kif ukoll raġel li qed isofri minn feriti ta’ tiri ta’ arma tan-nar li sofra meta sparaw fuqu fil-Libja.