Internazzjonali

Il-Papa jżur ‘ground zero’ f’Nagasaki u Hiroshima… Jikkundanna l-pussess tal-armi nukleari

Il-Papa Franġisku kompla biż-żjara fil-Ġappun b’appell imqanqal kontra l-pussess tal-armi nukleari. L-enfasi fuq dan il-messaġġ sar fl-uniċi żewġt ibliet, Nagasaki u Hiroshima, li qatt ġarrbu l-qilla ta’ attakki bil-bombi atomiċi u li kienu seħħew fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-Papa fisser il-pussess ta’ dawn l-armi bħala ‘aġir pervers u immorali’ filwaqt li rrefera għall-użu tagħhom bħala ‘reat kontra l-bniedem u n-natura’. Dan meta l-Kap tal-Kattoliċi, fl-aħħar sigħat, żar il-ground zeros ( is-siti tal-attakki bil-bombi atomiċi) f’Hiroshima u Nagasaki, bħala l-aktar impenn sinifikanti ta’ din iż-żjara.

L-attakki storiċi fuq il-Ġappun — li tmexxew mill-Istati Uniti u seħħew tlett ijiem ‘il bogħod minn xulxin f’Awwissu tal-1945 — ma jintesew qatt mid-dinja. Intant, il-Papa tkellem fl-inħawi tal-Peace Memorial ta’ Hiroshima u sellem ‘lil daqstant nies li sparixxew, l-istess bħat-tamiet li kellhom, fl-isplużjoni tan-nirien waqt l-attakki’.

F’din l-okkażjoni, il-Papa sama’ ukoll ir-rakkonti tal-waħx dwar l-impatt tal-bomba atomika fuq Hiroshima mingħand raġel, Yoshiko Kajimoto, li kien għad għandu 14-il sena fi żmien l-attakk storiku. Fiż-żewġ attakki ta’ Hiroshima u Nagasaki mietu immedjatament ‘il fuq minn 100,000 waqt li mietu 400,000 oħra, fix-xhur u s-snin ta’ wara, b’kaġun ta’ mard relatat mar-radjazzjoni.

F’Hiroshima, il-Papa enfasizza li l-użu tal-enerġija atomika għal skopijiet ta’ gwerra għandu jitqies ukoll bħala reat kontra ‘kwalunkwe futur possibbli għad-dinja tagħna’.

Aktar kmieni, f’Nagasaki, il-Papa kien enfasizza l-appoġġ għal trattat (tal-2017) biex jipprojbixxi l-armi nukleari li kienu qablu dwaru maż-żewġ-terzi tal-membri tan-Nazzjonijiet Uniti. Għal dan it-trattat kienu opponew il-potenzi nukleari kbar, bl-insistenza li ma riedux jipperikolaw il-kunċett ta’ deterrent f’dan il-qasam.

Il-Kap tal-Kattoliċi, sadanittant, sostna li r-riżorsi li qed jintefqu fuq ‘it-tellieqa għall-armi’ għandhom jintużaw għall-iżvilupp u l-protezzjoni tal-ambjent. Hu, fuq kollox, ikkundanna l-flus iġġenerati u moħlija mill-produzzjoni u l-bejgħ ta’ aktar armi distruttivi f’dinja fejn miljuni ta’ tfal u familji qegħdin jgħixu f’kundizzjonijiet inumani.