Lokali

Il-pożizzjoni taċ-Chief of Staff ilha mhux tenibbli bi Gvern mingħajr Awtorità Morali

Il-pożizzjoni taċ-Chief of Staff Keith Schembri ilha mhux tenibbli u l-Prim Ministru Joseph Muscat imissu ilu li neħħieh mill-kariga tiegħu.  Hekk sostna s-Senior Lecturer tal-Università ta’ Malta George Vital Zammit waqt il-programm ta’ diskussjoni fid-Dettall immexxi minn Louise Tedesco.

Huwa saħaq li Keith Schembri huwa uffiċjal pubbliku li jitħallas mit-taxxi tal-poplu u meta wieħed jieħu f’kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni u l-implikazzjonijiet li hemm fir-rigward tal-każ tiegħu, l-pożizzjoni tal-id il-leminija ta’ Joseph Muscat mhux tenibbli.

George Vital Zammit spjega li minkejja li ċertu aġir jista’ jitqies bħala legali ma jfissirx li huwa politikament aċċettabbli – bħal ftuħ tal-kumpaniji fil-Panama. Huwa spjega li minkejja li l-ftuħ ta’ kumpaniji offshore min-naħa ta’ Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi ma kienx illegali, mhux etika l-għaliex persuna tiftaħ dawn il-kontijiet sabiex tevadi u ma tiddikjarax taxxa tal-pajjiż. Għal dan l-aġir irid jitħallas prezz, prezz li s’issa għadu ma tħallasx. Dan filwaqt li nsista li l-Gvern tilef l-awtorità morali l-għaliex ma jistax jitlob lill-poplu jħallas it-taxxa dovuta meta membri fl-ogħa karigi tal-Gvern qed jiprovaw jevadu t-taxxa huma wkoll.

Huwa rrefera wkoll għal ktieb li lejliet l-elezzjoni ġenerali tal-2013, Joseph Muscat nieda – fejn saħaq li ried jiġġieled il-korruzzjoni b’kull mezz – wiegħda fierħa oħra li dan il-Gvern naqas kompletament.

F’passaġġ minn diskors li għamel Joseph Muscat lura fl-2010 ingħad; “Iż-żminijiet meta jsiru ħniżrijiet bħal dak li rajna u l-gvern jagħti il-barka tiegħu għandhom jispiċċaw, hemm bżonn rieda politika minn fuq nett – Diskors li George Vital Zammit kategoriakemnt saħaq li din naqset kompletament mill-Gvern Laburista.

George Vital Zammit insista li biex id-demokrazija tiġi salvagwardjata fil-Parlament, apparti Oppożizzjoni b’saħħitha, jrid ikun hemm backbenchers mal-Gvern li huma funzjonali. Dan l-għaliex jekk il-Prim Ministru jaħtarhom bħala chairman jew CEO dan ma jistax jitkellem fuq is-sitwazzjoni li jirrigwardahom l-għaliex ikollhom kunflitt ta’ interess.

Meta mistoqsi dwar il-ħatra ta’ Kurt Farrugia bħala CEO tal-MaltaEnterprise, b’paga li tlaħħaq il-€500 kuljum, Vital Zammit appella għal bonsens u għat-tħaddin tal-meritokrazija. Huwa saħaq li ġaladarba naqtgħu saqajn il-meritokrazzija l-istudenti kollha li qed jiggradwaw inkunu qed naqtgħulhom qalbhom sa mill-bidu.

Finalment huwa saħaq li hemm bżonn ta’ nies fit-tmun tal-pajjiż li jservu l-interessi tal-poplu u mhux dak tal-individwu. George Vital Zammit temm jgħid li ma rridux nbiegħdu liż-żgħażagħ lejn il-politika u mhux naqtgħulhom qalbhom minnha l-għaliex huma il-futur.