Futbol Sport

Iriberri protagonist f’logħba missielta

HIBERNIANS………….. 2

BALZAN………………….. 1

Hibernians: M. Calleja Cremona, J. Mbong, A. Agius, F. Apap, G. Artiles, L. da Silveira, D. Vella, B. Kristensen, J. Grech (J. Degabriele 81’), L. Nanni (J. Wemmer 74’), I. Iriberri (T. Groothusen 88’)

Balzan: K. Naumovski, A. Loof, A. Kosoric, M. Johnson, S. Bezzina, P. Fenech, S. Pisani, U. Ljubomirac, S. Dimic (A. Effiong 72’), A. Faria Machado (R. Scicluna 81’), A. Majdevac

Imwissija: U. Ljubomirac 35’, K. Naumovski 82’, P. Fenech 87’ (B), B. Kristensen 68’ (H)

Skorjaw: I. Iriberri 8’, 83’ pen (H), S. Pisani 39’ (B)

Referee: Emanuel Grech

Assistenti Referees: Mitchell Scerri, Jurgen Spiteri

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Jake Grech (Hibernians)

BOV Plejer tal-logħba: Jake Grech (Hibernians)

Attendenza: 1034

Penalty lejn it-tmiem poġġa lil Hibernians fir-raba’ post tal-klassifika b’rebħa fuq Balzan f’logħba missielta. Hibernians kellhom aktar okkażjonijiet perikolużi fil-logħba iżda kieku l-logħba ntemmet f’parità kien ikun ukoll ġust.

Balzan offrew oppożizzjoni denja u qasmu l-logħob mal-avversarji għal ħafna mill-konfront. Huma żgur li jħossuhom diżappuntati li ma sarrfux il-prestazzjoni li kellhom f’tal-anqas punt.

Il-kowċ ta’ Balzan Jacques Scerri għamel bidla waħda mir-rebħa kontra Mosta hekk kif Artur Faria Machado beda flok Ricardo Correa. Żewġ bidliet għal Hibernians mid-draw kontra Floriana. Matthew Calleja Cremona beda fil-lasta flok Marko Jovicic u Ferdinando Apap irritorna fid-difiża flok Timothy Tabone Desira.

Hibernians fetħu l-iskor wara tmien minuti b’korner mil-lemin ta’ Jake Grech isib lill-iżmarkat IMANOL IRIBERRI li b’daqqa ta’ ras minn qagħda ideali għeleb lil Kristijan Naumovski.

Ir-reazzjoni ta’ Balzan setgħet kienet aħjar hekk kif ftit impenjaw lil Matthew Calleja Cremona għajr free-kick ta’ Artur Faria Machado fid-19-il minuta li niżel fuq il-mimduda.

Il-Pawlisti marru qrib it-tieni gowl fis-26 minuta bi kross fil-baxx ta’ Iriberri jpoġġi f’diffikultà lid-difensur Aleksandar Kosoric li għalkemm issogra li jikkommetti awto-gowl, biegħed il-ballun f’korner.

Balzan irnexxielhom iġibu d-draw fid-39 minuta b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa ta’ STEVE PISANI li sammar il-ballun fir-rokna ta’ fuq tax-xibka u ma ta l-ebda ċans lil Calleja Cremona biex isalva.

Risposta immedjata ta’ Hibernians minuta wara, Leonardo Nanni impenja lil Naumovski b’xutt b’saħħtu li iżda ġie salvat tajjeb. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Hibernians reġgħu marru viċin b’daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Ferdinando Apap tgħaddi ftit għoli.

It-tim ta’ Stefano Sanderra fetaħ it-tieni taqsima fuq l-offensiva u fit-48 minuta Jake Grech kien f’pożizzjoni tajba li jikkonkludi iżda Naumovski ħareġ tajjeb u blokka fil-ħin.

Naumovski reġa’ spikka għal Balzan fis-57 minuta meta salva b’mod mirakoluż xutt b’saħħtu ta’ Iriberri. Mill-korner sussegwenti, id-daqqa ta’ ras ta’ Andrei Agius għaddiet ftit barra.

Fis-66 minuta, Balzan ingħataw free-kick fil-kaxxa li minnu nkariga ruħu Andrija Majdevac, bil-ballun jiġi mxellef u ħabat mal-mimduda. Balzan żiedu r-ritmu tagħhom u bdew jikkanċellaw l-attakki tal-avversarji. Huma saħansitra marru qrib fit-80 minuta b’xutt għar-rokna ta’ Majdevac li ġie mdawwar f’korner bi bravura minn Matthew Calleja Cremona.

Hiberians skorjaw il-gowl tar-rebħa fit-82 minuta meta Jens Wemmer ġie ġġudikat li twaqqa’ minn Ryan Scicluna, bir-referee Emanuel Grech jordna penalty. Mill-11-il metru IMANOL IRIBERRI ma żbaljax. Balzan pruvaw jevitaw it-telfa fil-ftit minuti li kien fadlilhom iżda Hibernians ikkontrollaw l-isforzi finali għal rebħa prezzjuża.

Lejn it-tmiem, Jurgen Degabriele seta’ jniżżel ismu fost l-iskorers iżda wara li anki qabeż lil Naumovski, ix-xutt tiegħu kien blokkat minn Augustine Loof.