Lokali

L-IĠM jissospendi lir-rappreżentanti tiegħu mill-Bord tat-Trustees tal-Fondazzjoni Tumas Fenech

Il-Kunsill tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin informa lill-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu li qed jissospendi liż-żewġ rappreżentanti tiegħu mill-Bord tat-Trustess tal-istess Fondazzjoni.

Fi stqarrija, il-Kunsill jiddikjara li “jħoss li fid-dawl tal-aħħar żviluppi li seħħew fil-pajjiż, fejn membru prominenti tal-familja li tiffininazja din il-Fondazzjoni, kien arrestat b’konnessjoni mal-investigazzjonijiet tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ma għandux jibqa’ assoċjat mal-imsemmija Fondazzjoni.”

Jiddikjara li din id-deċiżjoni tibqa’ valida sakemm isem Yorgen Fenech jibqa’ taħt id-dell li ntefa’ fuqu bl-arrest tiegħu mill-pulizija.

Il-Kunsill informa lill-Fondazzjoni b’din id-deċiżjoni u rringrazzjaha tal-kollaborazzjoni u x-xogħol siewi li wettqet fl-imgħoddi fil-qasam tal-ġurnaliżmu f’pajjiżna.