Futbol Sport

Lija jsofru t-tieni telfa tal-istaġun

NAXXAR L. ……………….. 3 LIJA A. …………………….. 2

Naxxar L: O. Borg, J. Sciberras, M. Fenech, M. Mifsud, E. Cerqueira Farias (J. Ellul 71’), D. Falzon, R. Cassar, J. Debono (A. Azzopardi 85’), B. Essel, S. Meilak, G. Martins Leite.

Lija A: L. Bonnici, C. Cassar, L. Muscat, D. Scerri, E. Beu, H. Wood (A. Azzopardi 63’), G. Borg (A. Galea 75’), K. Seakanyeng, C. Giordimaina, C. Gauci, A. White.

Referee: Daniel Portelli

Fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni Naxxar taw it-tieni telfa tal-istaġun lil Lija li issa jinsabu fi kriżi fejn kisbu biss punt fl-aħħar tliet logħbiet tagħhom. Erjon Beu li kellu logħba brillanti u skorja wkoll żewġ gowls oħra ma kienx biżżejjed biex Lija jieħdu xi ħaġa minn din il-logħba, logħba li fiha n-Naxxarin kienu konkreti u ħatfu l-okkażjonijiet li ħolqu, filwaqt li Lija ħasdu ftit għal dak li żergħu tul il-logħba.

Fl-ewwel azzjoni kienu Naxxar li resqu qrib bi freekick b’saħħtu iżda ċentrali li kien salvat b’diffikulta minn Bonnici. Fit-13-il minuta Lija fetħu l-iskor meta s-solitu Erjon beu skorja direttament minn freekick, freekick li ħasad għal kollox lill-goalkeeper Naxxar Omar Borg.

Ftit wara azzjoni oħra perikoluża ta’ Lija permezz ta’ Seakanyeng li wara li dar ma’ żewġ plejers ra x-xutt tiegħu jgħaddi ftit għoli. Fit-30 minuta azzjoni ta’ Erjon Beu iżda x-xutt tiegħu kien kompletament żbaljat.

Fl-34 minuta Naxxar kisbu l-gowl tad-draw meta minn azzjoni ta’ korner kien hemm il-ħarġa difettuża ta’ Bonnici u Benjamin Essel kien fil-post preċiż biex jiskorja b’xutt fil-baxx. Żewġ minuti wara Lija viċin li jerġgħu imorru minn fuq meta xutt mill-isbaħ ta’ Seakanyeng kien salvat minn Omar Borg.

Fil-45 minuta Steve Meilak daħal tajjeb fil-kaxxa fejn twaqqa’ minn Andre White, bir-referee jordna l-penalty li minnu Martins Leite ma żbaljax.It-tieni taqsima fetħet b’ċans tad-deheb għal Martins Leite li jkabbar il-vantaġġ iżda Bonniċi salva x-xutt mill-viċin tal-Brażiljan.

Risposta ta’ Lija b’daqqa ta’ ras ta’ Gabriel Borg tmur ftit barra. Fil-61 minuta Naxxar kabbru l-vantaġġ b’azzjoni ta’ Darren Falzon li ra x-xutt tiegħu jaħbat ma’ sieq il-lasta u mir-rebound kien Cerqueira Farias li spara fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.

Fit-78 minuta Lija mill-ġdid fil-logħba b’kapolavur tekniku ta’ Erjon beu li rċieva ballun fit-tul, żammu b’eleganza kbira u spara fil-baxx minn pożizzjoni angolata. Gowl mill-isbaħ tassew. Minn hawn ‘l quddiem Lija xeħtu kollox fl-attakk iżda Naxxar għalqu tajjeb biex kisbu rebħa prezzjuża fuq il-leaders.