Futbol Sport

Liverpool u Man City jegħlbu l-isfida mt-tims ta’ Londra

Il-Premier League Ingliż irritorna wara waqfa ta’ ġimgħa minħabba l-logħob internazzjonali bil-liders, Liverpool u l-isfidanti u Champions Ingliżi, Manchester City, jiksbu l-punti massimi fil-konfronti rispettivi ma’ Cyrstal Palace u Chelsea.

Ikomplu wkoll il-wirjiet impressjonanti ta’ Leicester City li taħt l-eks Manager ta’ Liverpool u Celtin, Brendan Rogers huma mingħajr dubju t-tim tal-mument. Impressjonanti l-fatt li fil-partita ta’ kmieni u anki dawk tal-4.00pm, taqta’ lil Arsenal li ġabu d-draw fis-96 minuta, t-timijiet li lagħbu barra minn darhom kollha rebħu.

Jose Mourinho wkoll beda b’rebħa tajba fil-kariga ta’ Manager ta’ Tottenham meta fil-London Stadium għelbu lil West Ham bi skor ta’ 3-2. Għal darba oħra Liverpool naqsu li jimpressjonaw bil-logħob tagħhom iżda rebħu xorta waħda kontra t-tim ta’ Roy Hodgson.

Mane fetaħ l-iskor fid-49 minuta. Crystal Palace iġibu d-draw minn Zaha fit-82 minuta u r-Reds jiskurjaw il-gowl tar-rebħa minn Firmino (ritratt) fil-85 minuta. Dan ir-riżultat ifisser li Liverpool, issa, ilhom 30 logħba mingħajr telfa fil-Premier League.

F’din il-partita l-VAR reġgħet kienet il-protagonista hekk kif Palace li qasmu l-logħob mal-avversarji kellhom gowl ta’ James Tomkins imħassar, deċiżjoni li qajjmet diskussjoni mqanqla u fit-tul bejn ir-referi, Kevin Friend u l-plejers tal-Palace.

Manchester City, sadanittant, komplew bl-isfida għal Liverpool meta huma wkoll għelbu tim minn Londra – f’dan il-każ Chelsea – f’logħba divertenti fl-Etihad Stadium. Kienu Chelsea li marru fil-vantaġġ meta N’Golo Kante (21) għeleb lil Ederson fuq is-suġġeriment ta’ Kovacic. Intant,

City malajr kisbu parità minn Kevin de Byruyne (29) ix-xutt tiegħu ħabat ma’ Kurt Zouma u qarraq għal kollox bil-gowlkiper Arrizabalaga. Il-gowl li ddeċieda l-logħba wasal ftit qabel il-mistrieħ meta l-attakkant Alġerin ta’ City, Riyad Mahrez, ħadem ballun tajjeb mill-faxxa tal-lemin u mill-ġdid sab ir-rokna tax-xibka għat-2-1.

Jamie Vardy kompla bil-forma brillanti fejn reġa’ sab ix-xibka fir-rebħa, ta 2-0 ta’ Leicester City fuq Brighton fl-Amex Stadium. Din kienet il-ħames rebħa konsekuttiva għall-Foxes fil-Premier League, bit-tim ta’ Rodgers, b’hekk jikkonsolida t-tieni post fil-klassifika, b’punt aktar minn Man City u b’distakk ta’ tmien punti ma’ Liverpool.

Leicester kellhom jistennew sa tard biex jiżblukkaw ir-riżultat meta Vardy – wara kontrattakk veloċi – sab lil Ayoze Perez li ma żbaljax għal 1-0. It-tieni gowl tal-Foxes wasal minn penalty, skurjat minn Vardy, meta l-istess plejer kellu jerġa’ jittanta xortih għat-tieni darba mill-ħdax-il metru minħabba rregolarità wara li l-gowlkiper ta’ Brighton kien salvalu x-xutt inizzjali tiegħu.

Jose Mourinho kellu bidu tajjeb għall-avventura ġdida tiegħu bħala Manager ta’ Tottenham b’rebħa ta’ 3-2 fuq West Ham. Spurs fetħu tliet gowls vantaġġ – t nejn skurjati fit-tieni taqsima minn Song Heung-Min (36) u Lucas Moura (39) u b’Harry Kane jagħmilhom tlieta mal-ftuħ tat-tieni taqsima.

Minn dak il-ħin Tottenham ċedew l-inizzjativa u West Ham naqqqsu d-distakk darbtejn minn Antonio (73) u Ogbonna (96) – iżda r-rimonta waslet tard wisq għall-Hammers li ħadu biss żewġ punti mill-aħħar seba’ impenji fil-kampjonat.

Arsenal u Southampton jaqsmu erba’ gowls għal riżultat finali ta’ 2-2. Southampton fil-vantaġġ b’gowl ta’ Ings wara tmien minuti. Il-Gunners li qegħdin ikomplu għaddejjin minn żminijiet diffiċli iġibu d-draw minn Lacazetta fit-18-il minuta. Southampton jerġgħu jiskurjaw minn Ward Prowse fil-71 minuta bil-Gunners iġibu l-gowl tad-draw fis-96 minuta minn Lacazette.

Fil-partiti l-oħra Wolves għelbu lil Bournemouth 2-1 barra minn darhom biex telgħu fil-ħames post, Everton b’sorpriża tilfu f’darhom kontra Norwich 0-2 biex dawn tal-aħħar inqalgħu mill-aħħar post u faċli għal Burnley li rebħu lil Watford 3-0 barra minn darhom, biex issa l-istess Watford reġgħu qed jokkupaw l-aħħar post fil-Premier Legue.

Il-Ħadd fil-5.30pm Manchester United imorru Sheffield biex jilgħabu kontra l-United ta’ din il-Belt, tim li qed ikollu staġun mill-aqwa fil-Premier League. It-Tnejn fid-9.00pm jagħlaq ‘match day’ 13 tal-kampjonat meta Aston Villa jilqgħu lit-tim ta’ Steve Bruce, Newcastle United.