Lokali

Muscat bi ”pressjoni minn ġewwa”

Is-sitwazzjoni mhix ta’ business as usual u wisq nibżgħu li s-sitwazzjoni qed taħrabilna mill-kontroll. Kemm fil-Kabinett, fil-Grupp Parlamentari u anke fost il-paritarji hemm skumdità, dwejjaq u uġigħ.

Hekk iddikjara Membru Parlamentari li tkellem mal-gazzetta Sunday Times of Malta fid-dawl tal-aħħar żviluppi fil-pajjiż – l-arrest ta’ Yorgen Fenech u l-fatt li l-Ministru u Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona ġie interrogat fid-Depot tal-Pulizija.

Deputat ieħor li tkellem mal-istess gazzetta qal li l-instabbiltà fil-Labour qed tinħass b’diversi esponenti qed jitkellmu – fil-pubbliku u fil-privat – dwar ir-rabja li qed iħossu l-partitarji fl-għeruq tal-Partit Laburista.

Barra minhekk, qed jiżdied it-tħassib li aktar ma Muscat iddum għaddej f’din is-sitwazzjoni, aktar il-Partit Laburista se jdum biex jinħall mill-morsa li qed jitgħallaq biha.

Dwar dan kollu, il-Ħadd, il-Ministru veteran Evarist Bartolo saħansitra kiteb fuq Facebook u ddikjara li pajjiżna li jinsab f’salib it-toroq għax inkunu qed ngħixu f’pajjiż aħjar jekk issir ġustizzja ma’ kulħadd bla biża’ jew favuri. Fakkar kif 100 sena ilu, il-Partit Laburista twieled minn nies li riedu soċjetà ġusta u mhux minn nies tal-flus jew tal-poter li ma jkun jista’ għalihom ħadd.

Meta faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers, li fih kienu nvoluti direttament il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, l-istess Ministru Bartolo kien stqarr b’mod ċar li dan il-każ wera li hemm Liġi għall-Allat u Liġi għall-Annimali.

Anke s-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia ħass li kellu jgħid tiegħu f’nofs dan it-theżżiż li għaddej minnu l-Gvern u l-Partit Laburista. Dan hekk kif, anke hu fuq Facebook, qal li pajjiżna għandu bżonn Deputati li jħarsu l-interess nazzjonali u l-ebda interess ieħor.

L-eks Minisru għal Għawdex Anton Refalo qal li għalkemm il-maġġoranza għanda d-dritt tiddeċiedi u tiggverna, wieħed ma jistax jinsa wkoll kif tħossha n-naħa fil-minoranza. Għax fuq kollox, aħna l-ewwel Maltin u Għawdxin.

Għal ħafna li taw ir-reazzjoni tagħhom, il-kummenti ta’ Bartolo, Farrugia u Refalo kienu indirizzati indirettament lejn il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, lejlet laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista skedata għat-Tnejn.

Din il-laqgħa mistennija tkun ikkaratterizzata minn aktar pressjoni interna fil-konfront tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, bit-tama li dan jaġixxi quddiem l-aħħar żviluppi li qed iseħħu. Fil-fatt, mistennija tiddomina s-sejħa lill-Prim Ministru biex ineħħi lil Mizzi u Schembri mill-karigi tagħhom.

F’dan is-sens, il-gazzetta Illum qalet li Deputat ieħor li tkellem magħha semma’ lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u lill-Ministru Evarist Bartolo, li qed juru kemm mhux kuntenti bis-sitwazzjoni.

Sadanittant, is-sorsi li tkellmu mas-Sunday Times of Malta qalu li l-Prim Ministru tant għandu pressjoni interna li kien qed jippjana li jwarrab mill-kariga f’perjodu ta’ bejn sitta u disa’ xhur.Madankollu, u wara l-aħħar żviluppi, issa mhux qed jeskludi li jwarrab meta jingħalqu l-investigazzjonijiet kollha relatati mal-assassinju tal-Ġurnalista Daphne Caruana Galizia.