Lokali

“Qabel politiċi, aħna Maltin u Għawdxin” – Anton Refalo jingħaqad mad-Deputati li jwasslu messaġġ

Id-Deputat Għawdxi Anton Refalo sar it-tielet deputat tal-Gvern li wassal messaġġ lill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Fuq il-midja soċjali, Anton Refalo ddikjara li “għalkemm il-maġġoranza għandha l-poter li tiddeċiedi, hu neċessarju li nżommu f’moħħna dak li tħoss il-minoranza.”

F’dak li hu meqjus bħala messaġġ fl-isfond tas-sitwazzjoni delikata u politika f’Malta, Anton Refalo ndirizza wkoll lil sħabu fil-Kabinett meta fakkarhom: “Fuq kollox, aħna mhux bis membri jew partitarji tal-partiti politiċi, imma Għawdxin u Maltin.”

Il-kummenti ta’ Anton Refalo jsegwu dawk ta’ Aaron Farrugia, li appella biex ikun protett “l-interess tal-pajjiż u ħadd iktar” u tal-Ministru Evarist Bartolo li qal li “hemm bżonn isiru magħrufa l-fatti kollha u r-responsabbiltajiet ta’ dawk kollha mdaħħla fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex issir ġustizzja, bla biża’ jew favuri.”

Dan hekk kif qed ikompli joħroġ fil-beraħ in-nuqqas ta’ qbil tiegħu għall-mod kif il-Prim Ministru qed jonqos milli jaġixxi fil-konfront ta’ dawk l-eqreb tiegħu.