Internazzjonali

Renju Unit: Pulizija attakkati wara ‘battalja bis-skieken kbar’ ġo kumpless taċ-ċinema

Il-pulizija fil-belt ta’ Birmingham spiċċaw attakkati wara li ppruvaw iwaqqfu ġlieda kbira li nqalgħet bejn persuni armati bis-skieken kbar ( machetes) u li kienu ġo kumpless taċ-ċinema li jipprovdi s-servizzi ta’ multiplex minbarra tipi oħra ta’ divertiment għall-familja.

Il-qawwiet tal-liġi spiċċaw il-mira ta’ aggressjoni huma u jippruvaw joħorġu madwar 100 persuna mill-kumpless ( taċ-ċinema) bl-isem Star City. Dan waqt li l-osservaturi fl-inħawi jaqblu li ‘rari kienu raw xeni hekk tat-twerwir’, fejn iddominaw il-kaos u l-pandemonju.

Il-pulizija wieġbet mal-ewwel għall-informazzjoni li ‘grupp ta’ nies armati bil-machetes’ kienu waslu fil-multiplex cinema u maż-żmien kienu arrestati numru ta’ nies li qed ikunu akkużati dwar aggrediment lill-uffiċjali tal-liġi u b’li ma tawx każ tal-ordnijiet biex ‘jitilqu minn hemmhekk bil-kalma’.

Ir-rapporti qalu li weġġgħu numru ta’ pulizija waqt il-konfronti, iżda wara kien ikkonfermat li huma sofrew biss xi ġrieħi ħfief. Ingħad ukoll li l-pulizija kellhom jużaw it-tasers u l-klieb imħarrġa biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.

Intant, is-sitwazzjoni rritornat għall-kalma wara tensjoni fit-tul u wara li l-pulizija eżerċitaw il-poteri tagħhom biex jikkonfrontaw lill-elementi aggressivi u jarrestaw lil kulmin kien qed jirrifjuta li jitlaq mill-inħawi.

L-iżviluppi ta’ din il-battalja setgħu kienu ħafna agħar peress li fil-kumpless taċ-ċinema, dak il-ħin, kien hemm numru ta’ familji b’uliedhom ċkejknin biex jaraw il-film ġdid ta’ ‘Frozen’.