Futbol Sport

Sirens iżommu l-istess distakk minn ma’ Floriana

George Cassar 

SIRENS – 1 GUDJA UNITED – 1

Sirens: D. Cassar, R. Romao, Thiaguinho, R. Dos Anjos, A. Borg, L. Sciberras, I. Adeshina, Sir. Arab (M. Bustos 57’), Wellington, Romarinho, E. Okoye 

Gudja U.: J. Debono, A. Miranda, Z. Cassar, J. Bolanos, J. Bondin, A. De Barros, H. Vella, A. Friggieri (J. Grioli 86’), M. Jimenez, G. Mensah (L. Cremona 90’), R. Winchester (J. Brincat 45’) 

Imwissija: R. Winchester 14’ (G), A. Friggieri 38’ (G), Thiaguinho 39’ (S), A. Borg 44’ (S), R. Romao 76’ (S) 

SkorjawRomarinho 24’ (S), J. Bolanos 45’ (G) 

Referee: Albert Lars 

Assistenti Referees: Johannes Schipke, Eric Weisbach 

Il-Mument Plejer tal-logħba: A. Friggieri (G) 

BOV Plejer tal-logħba: E. Okoye (S) 

Id-distakk bejn Floriana u Sirens fl-ogħla żewġ postijiet tal-klassifika baqa’ ħames punti, hekk kif bħalma għamlu l-Furjaniżi nhar il-Ġimgħa, it-tim minn San Pawl il-Baħar ħa punt ukoll kontra Gudja United.  

Għal Gudja din kienet it-tielet logħba konsekuttiva li fiha ħadu l-punti wara ż-żewġ rebħiet wara xulxin kontra Birkirkara u Tarxien Rainbows. Dan il-punt kien biżżejjed biex Gudja jaqbżu lil Santa Lucia u temporanjament anki lil Birkirkara li nhar it-Tnejn jilagħbu kontra Tarxien.  

F’dik li kienet partita bejn żewġ neopromossi, iż-żewġ timijiet qasmu ħafna mil-logħob bejniethom tul il-logħba kollha u kienu iktar attivi fl-attakk fit-tieni taqsima. Il-partita kienet ikkontrollata minn tim ta’ referis Ġermaniżi.  

Sirens kienu mingħajr fost l-iktar plejers influwenti tagħhom Flavio Cheveresan li weġġa’ din il-ġimgħa waqt is-sessjoni tat-taħriġ iżda waqt il-partita beda kontinwament jagħti struzzjonijiet lil sħabu l-plejers miż-żona tal-VIP.  

Sirens marru fil-vantaġġ f’nofs l-ewwel taqsima meta Wellington Petinha avvanza max-xellug u qassam għan-nofs lejn Romarinho li xxuttja minn barra l-kaxxa u skorja wara li l-gowlkiper Jonathan Debono xellef il-ballun għal warajh. 

Gudja skurjaw il-gowl tal-parità ftit sekondi qabel is-suffara tal-intervall meta minn freekick mil-lemin ta’ Aiden Friggieri, Juan Bolanos (ritratt) għola tajjeb bir-ras u tefa’ fix-xibka. 

Il-partita żiedet ir-ritmu fit-tieni taqsima li lejn in-nofs tagħha Gudja resqu qrib il-gowl f’żewġ okkażjonijiet oħra. Fil-65 minuta Gabriel Mensah kellu ħarba veloċi iżda kkonkluda wisq ċentrali u għamilha iktar faċli għal David Cassar biex jinżel mal-art u jsalva. Ħames minuti wara, Aidan Friggieri qata’ d-difiża ta’ Sirens b’pass tajjeb lejn is-sostitut James Brincat li majna l-ġirja tiegħu minħabba li ħaseb li kien offside u mbagħad ma laħaqx il-ballun biex iċ-ċans intilef u l-iskor baqa’ ndaqs sal-aħħar. 

Il-ġimgħa d-dieħla ż-żewġ timijiet jilagħbu l-ewwel logħba tagħhom fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-FA Trophy fejn Gudja għandhom logħba delikata kontra t-tim tal-Ewwel Diviżjoni Lija Athletic filwaqt li Sirens iridu jmorru Għawdex biex jilagħbu kontra Kerċem Ajax.   

Ritratt: Trevor Sollars