Rafael Nadal rebaħ it-tieni singles tal-bieraħ kontra l-Kanada biex mexxa lil Spanja lejn is-sitt rebħa f’din il-manifestazzjoni meqjusa bħala t-tazza tad-dinja tat-tennis.
Il-logħba bejn Rafael Nadal u Denis Shapovalov kienet mill-iktar interessanti speċjalment it-tie break tat-tieni set, tie break li spiċċa biex kien determinanti għaliex Spanja bih kisbet il-punt li riedet. Finalment Rafael Nadal ħareġ rebbieħ 6-3, 7-6.
Spanja kienu marru fil-vantaġġ meta Roberto Bautista Agut għeleb lil Felix Auger-Aliassime 7-6, 6-3. Bautista Agut kien qed jirritorna jilgħab tlett ijiem wara li miet missieru. Kif kien mistenni Bautista Agut iddedika dan is-suċċess għal memorja ta’ missieru.
Is-sala fejn saret il-finali kienet ippakjata, bil-preżenza wkoll tar-Re ta’ Spanja u l-plejer ta’ Barcelona Pique.
Din kienet l-ewwel edizzjoni tat-Tazza Davis b’dan il-format, format li niżel tajjeb mad-dilettanti tal-logħba, iżda format li jista’ jsirlu titjib, fejn fil-fatt diġa’ tħabbar mill-Federazzjoni Internazzjonali tat-Tennis (ITF), li l-edizzjoni tas-sena d-dieħla se jkollha xi tibdiliet.
//= $special ?>