Futbol Sport

Valletta jibdew isibu l-konsistenza

MOSTA…………….. 0

VALLETTA………. 4

Mosta: A. Vella, D. Xuereb, T. Farrugia, D. Brown, D. Bonnici (K. Gatt 62’), M. Muchardi, J. Diouf, N. Kotlov, E. Murga (Z. Brincat 72’), A. Roach (L. Portelli 83’), W. Gomes

Valletta: H. Bonello, S. Borg, J. Caruana (K. Tulimieri 79’), R. Camilleri, E. Pena Beltre (D. Packer 20’), R. Muscat, I. Dzaria (N. Pulis 72’), J. Borg, M. Piciollo, M. Fontanella, K. Nwoko

Imwissija: R. Camilleri 31’, N. Pulis 73’ (V), N. Kotlov 67’ (M)

Skorjaw: I. Dzaria 24’, M. Fontanella 35’, 53’ pen, K. Tulimieri 85’ (V)

Referee: Alan Mario Sant

Assistenti Referees: Duncan Sultana, Roberto Vella

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Mario Fontanella (Valletta)

BOV Plejer tal-logħba: Mario Fontanella (Valletta)

Valletta kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva u r-raba’ waħda fl-aħħar ħames logħbiet. Ir-rebħa kontra Mosta kienet mhux biss meritata imma probabbilment kienet l-aħjar waħda tal-istaġun hekk kif mhux biss ikkontrollaw iżda kkonċedew ftit.

Fatt pożittiv għalihom hu li għat-tielet logħba konsekuttiva ma sofrewx gowl. B’din ir-rebħa huma laħqu lil Sirens fit-tieni post u naqqsu d-distakk minn mal-leaders Floriana għal erba’ punti.

Għal Mosta din kienet it-tielet telfa konsekuttiva wara li kienu ġejjin minn tliet rebħiet konsekuttivi. F’dawk ir-rebħiet il-Mostin ma kinux sofrew gowl iżda fl-aħħar tliet logħbiet huma sofrew 12-il gowl, raġuni għaliex Mark Miller għandu jinkwieta.

Il-kowċ ta’ Valletta Darren Abdilla żamm l-istess tattika mir-rebħa preċedenti kontra Senglea Athletic bl-unika bidla minn dan il-konfront kienet ta’ Ryan Camilleri li beda flok Joseph Zerafa, b’Jean Borg jilgħab mal-linja.

Fuq in-naħa l-oħra, Mark Miller għamel tliet bidliet mit-telfa diżastruża kontra Balzan. Duane Bonnici, Nikita Kotlov u Edin Murga bdew flok Christian Grech, Leonardo Villarreal u Momodou Jallow.

Valletta ħolqu l-ewwel azzjoni wara ħames minuti b’Mario Fontanella jirċievi ballun fit-tul iżda x-xutt tiegħu għadda għoli. Okkażjoni għal Mosta fil-11-il minuta bi free-kick ta’ Matias Muchardi jiġi mdawwar f’korner minn Henry Bonello.

Darren Abdilla kellu jagħmel bidla sfurzata fl-20 minuta meta weġġa’ Enmy Pena Beltre, bidla li wasslet biex inbidlet il-formazzjoni tattika hekk kif Valletta qelbu b’erba’ difensuri.

Inċidentalment erba’ minuti wara huma fetħu l-iskor, bi kross fil-baxx mix-xellug ta’ Kyrian Nwoko lejn IRAKLI DZARIA li ltaqa’ mal-ballun u għeleb lil Vella b’xutt fil-baxx.

Il-Beltin irduppjaw fil-35 minuta bi kross ieħor mix-xellug ta’ Nwoko lejn MARIO FONTANELLA li tar minn tulu biex għeleb lil Vella b’daqqa ta’ ras.

Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Fontanella mar qrib it-tielet gowl meta seraq ballun mingħand il-gowlkiper Andreas Vella u prova minn pożizzjoni angolata, iżda d-difensur David Brown irnexxielu jimblokka eżatt f’korner.

L-andament fit-tieni taqsima baqa’ l-istess b’Nwoko jfalli żewġ okkażjonijiet fl-ewwel minuti. Valletta serrħu rashom mit-tliet punti fit-53 minuta meta ngħataw penalty għal fawl fuq Matteo Piciollo. Mill-11-il metru MARIO FONTANELLA bagħat lil Vella n-naħa l-oħra tal-ballun.

Nwoko kellu daqqa ta’ ras li għaddiet ftit għoli fis-57 minuta u żewġ minuti wara Jean Diouf mar viċin li jnaqqas id-distakk b’konklużjoni li għaddiet ftit barra. Fil-61 minuta Piciollo kellu xutt perikoluż li ġie mblokkat u minuta wara Nwoko rċieva mingħand Dzaria iżda t-tentattiv tiegħu spiċċa ftit barra.

Valletta baqgħu jikkontrollaw il-logħba u anki rnexxielhom iżidu gowl ieħor fil-85 minuta f’azzjoni maħduma bejn is-sostituti. Nicholas Pulis tefa’ kross preċiż mil-lemin lejn KEVIN TULIMIERI li b’daqqa ta’ ras qabbeż fuq Vella u skorja l-ewwel gowl tiegħu ma’ Valletta.