Lokali

Wara li jgħaddu l-24 siegħa li daħħal l-isptar… x’se jiġri issa minn Yorgen Fenech?

Hekk kif illum jgħaddu l-24 siegħa minn mindu Yorgen Fenech iddaħħal l-isptar b’urġenza minħabba problemi ta’ saħħa, il-mistoqsija fuq fomm kulħadd issa hi x’se jiġri wara dawn l-24 siegħa.

Dan hekk kif Fenech ma setax jkompli jiġi interrogat f’dawn is-sigħat minħabba li ttieħed l-isptar, jilmenta minn uġiegħ f’sidru. Fuq parir tat-tobba, hu ma kellux jibqa’ jiġi interrogat f’dan il-perjodu.

Sadattant ilbieraħ il-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona ssejjaħ fid-Depot tal-Pulizija fil-Furjana fejn kien interrogat mill-Pulizija.

Numru ta’ siti tal-aħbarijiet qed jindikaw li fost l-oħrajn, sarulu mistoqsijiet dwar l-iskandlu ta’ Acapulco. Hu stess ammetta ma’ Malta Today li fost l-oħrajn kien mistoqsi dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan apparti ir-rabtiet li l-istess Ministru għandu mal-familja tas-sid ta’ 17 Black, Yorgen Fenech… filfatt l-istess Ministru kien kera appartament f’Portomaso bil-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li saħansitra kienet żvelat li lanqas intalab ħlas.

Sadattant il-Prim Ministru lbieraħ irċieva t-talba formali biex jagħti maħfra Presidenzjali lin-negozjant sid il-kumpanija 17 Black, Yorgen Fenech. Hu kien qed jinżamm taħt arrest allegatament b’konnesjoni mal-ordni għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galiza.

Dawn is-sorsi saħansitra tkellmu mal-kamra tal-aħbarijiet tal-BBC… bl-aħbar imbgħad tiġri madwar id-dinja kollha.Fenech kien arrestat l-Erbgħa filgħodu waqt li allegatament kien qed jipprova jaħrab mill-pajjiż bil-jott privat tiegħu.