Futbol Sport

Żejtun punt bogħod mill-quċċata

ŻEJTUN C. ……………………….. 2 ST.GEORGE’S……………………. 0

Żejtun C: C. Cassar, K. Farrugia, J. Busuttil, J. Cassar, D. Agius, J. Ogunnupe, J. Suda (J. Iwueke 86’), R. Do Nascimento (R. De Fex 76’), M. Pereira Muniz, A. Mizzi, N. Tabone (G. Azzopardi 26’).

St.George’s: J. Azzopardi, A. Hili, L. Bonett, S. Perdomo, D. Caruana (A. Mallia 80’), C. Cassar, G. D’Amato, R. Villada Patino (J. Grech 68’), L. Cutajar, J. Dalli (T. Hiruma 68’), A. Matshall.

Referee: Domenico De Girolamo (San Marino)

Żejtun kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva meta b’gowl f’kull taqsima għelbu l-isfida fjakka ta’ St.George’s biex issa jinsabu fit-tieni post tal-klassifika punt biss taħt il-leaders Lija.

Ma kinitx l-aħjar prestazzjoni taż-Żwieten, iżda għamlu biżżejjed biex ikun jimmerithom is-suċċess li riedu. Il-logħba ftit offriet spunti nteressanti fejn dawn tista’ tgħid li dejjem ġew minn naħa ta’ Żejtun.

Il-logħba kienet kwieta fl-ewwel fażi fejn kien hemm għadd ta’ interruzzjonijiet minħabba diversi plejers li weġġgħu u r-ritmu kompla naqas. Żejtun kienu iktar aggressivi u determinati iżda resqu biss b’perikolożita’ lejn il-lasta biss wara nofs siegħa meta Suda qassam lejn Ogunnupe li mill-viċin impenja lil Azzopardi.

Fit-38 minuta Żejtun fetħu l-iskor meta s-sostitut Gilmore Azzopardi twaqqa f’tarf il-kaxxa minn Villada u mill-11-il metru kien Robeiro Do Nascimento Santos li skorja b’xutt fil-baxx.

Erba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Żejtun skorjaw it-tieni gowl b’azzjoni ta’ Ogunnupe fuq ix-xellug fejn qassam ballun lejn Robeiro Do Nascimento li minn żewġ passi bogħod ma kellux diffikulta jkompli l-ballun għal ġewwa.

Il-logħba tilfet ħafna mill-interess li kellha wara dan il-gowl bit-tim Bormliż ma jwettaqx reazzjoni. Fid-69 minuta Ogunnupe kien imċaħħad Azzopardi, fejn Ogunnupe beda jkun ferm perikoluż bil-ħarbiet tiegħu.