Internazzjonali

Ġlieda mal-ħin biex isalvaw eluf ta’ nagħaġ maqbudin f’ vapur

Gruppi ta’ ħaddiema għas-salvataġġ qed jistinkaw biex joħorġu eluf ta’ nagħaġ minn bastiment tal-merkanzija li kien inqaleb fil-Baħar l-Iswed, ’il hinn mill-kosta tar-Rumanija. L-aħħar rapporti qalu li numru kbir ta’ nagħaġ kienu maqbudin f’parti tal-bastiment, f’sitwazzjoni ta’ emerġenza li kienet ilha min-nhar il-Ħadd.

Il-bastiment, bl-isem Queen Hind, inqaleb wara li kien telaq mill-port ta’ Midia, viċin il-belt ta’ Constanta, u meta dak il-ħin, kien qed iġorr ’il fuq minn 14,000 nagħġa. Intant, kienu salvati l-membri kollha tal-ekwipaġġ ta’ dan il-bastiment.

Il-ħidma biex ikunu salvati n-nagħaġ qed tkompli wara waqfa matul il-lejl tal-Ħadd. L-impenn delikat kien qed isir bis-sehem tal-militar, il-pulizija, l-iskwadri responsabbli mit-tifi tan-nirien, il-bugħaddasa u l-gwardjani tal-kosta Rumeni. Intant, numru ta’ vapuri marru f’dik iz-zona ta’ baħar biex huma wkoll jagħtu l-għajnuna.

Filwaqt li, nhar il-Ħadd, instabu ftit għexieren ta’ nagħaġ li kienu qed jgħumu qrib il-bastiment maqlub, l-aħħar indikazzjonijiet huma li ħafna minn dawn l-annimali spiċċaw għerqu. Dan waqt li eluf oħra baqgħu maqbudin f’sezzjoni tal-‘Queen Hind’.

Ikkummenta