Internazzjonali

Investigat allegat kumplott Ċiniż għal spjunaġġ fil-Parlament tal-Awstralja

Il-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison, qal li l-allegazzjonijiet dwar pjan – jew kumplott — biex spjun għaċ-Ċina jsib postu fil-Parlament ta’ Canberra huma ‘lok għal inkwiet kbir’. Madankollu, Morrison wissa biex, għalissa,’ħadd ma jagħmel il-konklużjonijiet bl-għaġġla’.

L-allegazzjonijiet – żvelati għall-ewwel darba min-netwerk lokali ‘Nine’ – jindikaw li grupp suspettat dwar attivitajiet ta’ spjunaġġ għaċ-Ċina kien avviċina raġel Awstraljan ta’ nisel Ċiniż biex hu jikkuntesta għall-Parlament. Żmien wara, dan ir-raġel, ta’ 32 sena, kien miet f’ċirkustanzi li baqgħu mhumiex spjegati.

Iċ-Ċina qed tiċħad dawn l-allegazzjonijiet li qed ikunu investigati mill-aġenzija għall-ispjunaġġ domestiku tal-Awstralja. Din l-aġenzija, permezz ta’ stqarrija pubblika rari, qalet li qed tieħu dawn l-allegazzjonijiet bl-akbar serjetà.

Ir-rapport fuq il-programm tan-‘Nine’ qal li suspettati aġenti Ċiniżi kienu avviċinaw lil Nick Zhao, negozjant tal-karozzi lussużi, qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ Mejju fl-Awstralja. Qed ikun allegat li Zhao kien ġie offrut l-ekwivalenti ta’ 550,000 ewro biex jiffinanzja kampanja bħala kandidat mal-Partit Liberali fil-Gvern għas-siġġu ta’ Melbourne. Dan meta magħruf li Zhao kien diġà membru tal-partit inkwistjoni.

Zhao, skont ir-rapport, kien ipprovda informazzjoni dwar l-allegat ‘avviċinament min-naħa taċ-Ċiniżi’ lill-Organizzazzjoni tas-Servizzi Sigrieti għas-Sigurtà tal-Awstralja (Asio).

Sadattant, Nick Zhao, f’Marzu li għadda, instab mejjet f’kamra ta’ lukanda f’Melbourne. Il-pulizija, għalissa, ma setgħetx issib il-kawża tal-mewt jew tiżvela ċ-ċirkustanzi eżatti wara l-mewt tar-raġel. Dan meta l-mewt ta’ Zhao spiċċa suġġett għal inkjesta maġisterjali.