Futbol Sport

Andrè Scembri jiskorja l-ewwel gowl fis-Super League Indjan

(Ritratt: Chennaiyin)

Il-plejer internazzjonali Malti Andrè Schembri skorja l-ewwel gowl tiegħu fil-Kampjonat Indjan ma’ Chennaiyin f’rebħa drammatika ta’ 2-1 kontra Hyderabad. Schembri daħal bħala sostitut fit-82 minuta u żewġ minuti fuq id-90 minuta rċieva kross, ikkontrolla perfett il-ballun u skorja b’xutt fil-baxx.

Dan kien l-ewwel gowl ta’ Chennaiyin fil-kampjonat wara 756 minuta. It-tim kollu feraħ ġustament mal-gowl ta’ Schembri li ntwera l-karta s-safra wara li neħħa l-flokk maċ-ċelebrazzjoni. Hyderabad ġabu d-draw fil-95 minuta iżda Chennaiyin skorjaw il-gowl tar-rebħa proprju minuta wara permezz tal-Litwan Nerijus Valskis.

B’din ir-rebħa, Chennaiyin kisbu l-ewwel rebħa, għandhom erba’ punti minn ħames logħbiet u nqalgħu mill-qiegħ tas-Super League Indjan.