Futbol Sport

Birkirkara jiddominaw u jiksbu t-tieni rebħa konsekuttiva

Rapport: Rowen Camilleri

BIRKIRKARA……… 3

TARXIEN R…………. 0

Birkirkara: A. Hogg, E. Pepe, M. Guillaumier, L. Dos Santos (P. Mbong 87’), M. Vella, K. Zammit, R. Briffa, F. Falcone, C. Prado (Y. Yankam 73’), O. Carniello (G. Bugeja 87’), I. Ntow

Tarxien: R. Briffa, M. Botta, T. Veronese, D. Mambouana, B. Muscat (A. Azzopardi 55’), G. Camilleri, A. Andrejic, S. Shaba (M. Ciantar 45’), M. Stanojevic, P. Kanzurov (N. Portelli 83’), D. Zerafa

Imwissija: A. Andrejic 36’, S. Shaba 40’, D. Mambouana 57’, D. Zerafa 83’ M. Botta 78’ (T)

Skorjaw: I. Ntow 41’, F. Falcone 53’, C. Prado 64’, (B)

Referee: Alex Johnson

Assistenti Referees: Alan Camilleri, James Muscat

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Caio Prado (Birkirkara)

BOV Plejer tal-logħba: Isaac Ntow (Birkirkara)

Bħalma kien mistenni Birkirkara rreġistraw it-tieni rebħa konsekuttiva, hekk kif bi prestazzjoni dominanti għelbu lil Tarxien Rainbows bl-iskor ta’ 3-0. Tarxien b’hekk jibqgħu fl-aħħar post tal-klassifika bl-ebda punt wara 11-il partita. Tarxien kellhom prestazzjoni fqira għall-aħħar hekk kif tul id-90 minuta Andrew Hogg ma kien qatt impenjat.

Għal Birkirkara, żewġ bidliet mill-formazzjoni li lagħbet kontra Santa Lucia fejn minflok Cain Attard  u Ryan Fenech, bdew il-partita Enrico Pepe u Kurt Zammit filwaqt li fid-debutt tiegħu bħala kowċ ta’ Tarxien Rainbows, Demis Paul Scerri wkoll biddel żewġ plejers b’Marco Botta u Destin Mambouana jibdew il-partita minflok Manuel Torres u Nevin Portelli.

L-ewwel azzjoni tal-logħba waslet wara erba’ minuti mill-Istripes meta Ntow irnexxielu jidħol fil-kaxxa iżda x-xutt tiegħu mix-xellug ġie mdawwar f’korner minn Briffa. Wara kwarta logħob imbagħad ċans għal Tarxien meta l-kross ta’ Zerafa sab lill-Albaniż Shaba li bir-ras tefa’ barra.

Fis-27 minuta free-kick dirett għal Birkirkara mogħti minn Roderick Briffa li ta l-illużżjoni ta’ gowl iżda l-ballun ħabat mal-ġenb tax-xibka. Birkirkara marru fil-vantaġġ fil-41 minuta meta ISAAC NTOW irċieva pass mingħand Pepe, b’dan tal-aħħar jipprova x-xutt min qagħda angolata bil-gowlkiper Briffa jmiss il-ballun iżda kien b’saħħtu wisq u spiċċa fix-xibka.

Birkirkara rduppjaw fit-53 minuta meta minn kross ta’ Vella, FEDERICO FALCONE għola tajjeb bir-ras u għeleb għal kollox lil Briffa.

L-affarijiet komplew imorru ħażin għar-Rainbows meta fit-62 minuta Birkirkara ngħataw penalty għal fawl ta’ Mambouana fuq Dos Santos, penalty li nkariga ruħu minnu CAIO PRADO li mill-11-il metru tefa’ l-ballun naħa u l-gowlkiper naħa oħra. Birkirkara baqgħu bla dubju l-aħjar tim fil-pitch u ħames minuti wara kien Roderick Briffa li avvanza fuq il-lemin iżda l-konklużjoni tiegħu għaddiet ftit għoli.

Fl-74 minuta Rudy Briffa wettaq żewġ saves brillanti f’minuta meta l-ewwel kien Dos Santos li rċieva mingħand Falcone u x-xutt tal-Brażiljan ġie mdawwar f’korner minn Briffa biex mill-azzjoni ta’ wara Maurizio Vella prova xutt minn barra li għal darb’ oħra ġie mdawwar f’korner bi bravura minn Briffa.