Futbol Sport

Bueno se jirritorna ma’ Tarxien Rainbows

Il-klabb tal-Kampjonat Premier Tarxien Rainbows jinsab għaddej bil-ħidma tiegħu biex isaħħaħ l-iskwadra b’tama li jdawru l-istaġun tagħhom u jżommu posthom fl-ogħla diviżjoni. Huma mistennija jħabbru l-akkwist tal-attakkant Daniel Mariano Bueno.

Għal Bueno dan se jkun ritorn fil-Kampjonat Premier hekk kif tul iż-żmien tiegħu f’pajjiżna, kien wieħed mill-aqwa attakkanti. Il-Brażiljan li għandu 35 sena, lagħab l-ewwel darba f’pajjiżna fl-istaġun 2008/09 u spiċċa fit-tieni post fil-klassifika tal-aqwa skorers bi 23 gowl.

Fl-istaġun 2010/11, Bueno lagħab għat-tieni darba ma’ Tarxien Rainbows u skorja 11-il gowl f’kampjonat li t-Tarxiniżi spiċċawh fil-ħames post. Fl-istaġun ta’ wara, Bueno reġa’ skorja 11-il gowl biex fl-istaġun 2012/13 Bueno reġa’ spiċċa fit-tieni post fl-aqwa skorers b’20 gowl hekk kif Tarxien spiċċaw fil-ħames post.

Wara li ħalla pajjiżna, Bueno rritorna f’Malta u ma’ Tarxien fi Frar tal-2014 u bl-erba’ gowls tiegħu għen lil Tarxien jibqgħu fil-Kampjonat Premier. Fl-ewwel nofs tal-istaġun ta’ wara Bueno lagħab ma’ Mosta fejn skorja tliet gowls, qabel kompla l-karriera ma’ diversi klabbs fil-Brażil.