Futbol Sport

Cagliari jitilfu vantaġġ doppju u draw bejn Spal u Genoa

(Ritratt: EPA)

Cagliari tilfu vantaġġ doppju biex kellhom jikkuntentaw bi draw ta’ 2-2 f’Via del Mare kontra Lecce. Oriġinarjament din il-logħba kellha tintlagħab il-Ħadd filgħaxija iżda tħassret minħabba l-kundizzjoni ħażina tal-pitch wara x-xita li għamlet. JOAO PEDRO kien poġġa lil Cagliari fil-vantaġġ minn penalty wara nofs siegħa logħob. RADJA NAINNGOLAN irdoppja fis-67 minuta b’xutt minn pożizzjoni ċentrali minn tarf il-kaxxa.

Il-logħba nfetħet fit-83 minuta meta r-referee Maurizio Mariani ġustament ordna penalty wara li Fabrizio Cacciatore waqqaf il-ballun b’idu milli jidħol fix-xibka. Mill-11-il metru GIANLUCA LAPADULA ma żbaljax. Fil-85 minuta tkeċċew il-gowlkiper ta’ Cagliari Robin Olsen u l-istess Lapadula, b’Lecce jsalvaw il-logħba fid-90 minuta b’gowl ta’ MARCO CALDERONI.

Fil-logħba l-oħra, Spal u Genoa spiċċaw 1-1 f’konfront fi Stadio Paolo Mazza bejn żewġ timijiet jissieltu kontra r-relegazzjoni. ANDREA PETAGNA poġġa lil Spal minn fuq fil-55 minuta minn penalty wara fawl ta’ Domenico Criscito fuq Simone Missiroli. Reazzjoni immedjata minn Genoa li ġabu d-draw żewġ minuti wara b’daqqa ta’ ras mill-kaxxa ż-żgħira ta’ STEFANO STURARO.