Lokali

David Casa jappella lill-UE tintervjeni fid-dawl ta’ Kriżi Kostituzzjonali

L-MEP David Casa

Il-Kwestur tal-Parlament Ewropew David Casa appella lill-President tal-Kunsill Ewropew biex “jintervjeni biex tiġi imħarsa d-demokrazija f’ Malta u biex jiġi żgurat r-rispett tal-valuri f’Malta elenkati fl-Artikolu 2 tat-Trattat tal-UE, b’mod partikolari, il-ġustizzja u s-saltna tad-dritt.”

F’ittra mibgħuta llum Casa ddikjara li “Malta nħakmet minn din il-kriżi, mill-mument li l-mibkija Daphne Caruana Galizia rrappurtat fuq il-Panama Papers. Kien skandlu li kixef strutturi korporattivi li ħaslu l-flus u li huma marbuta ma’ ftehimiet sigrieti mal-Azerbajġan. F’dan l-iskandlu hemm involuti l-eqreb alleati politiċi tal-Prim Ministru Muscat.

David Casa jfakkar li Keith Schembri għadu sal-lum iċ-Chief of Staff tiegħu, u Konrad Mizzi, għadu Ministru tal-kabinett. Mizzi kien dak iż-żmien inkarigat mis-Saħħa u l-Enerġija. Illum huwa inkarigat mit-Turiżmu.

Minkejja dan, Joseph Muscat iddefendihom minn meta inkixfu l-Panama Papers, rivelazzjoni wara rivelazzjoni, hekk kif ix-xibka ta’ korruzzjoni kompliet tiġi iktar u iktar esposta. Daphne Caruana Galizia kienet ikkunsidrata bħala l-iktar kritika iebsa  ta’ Joseph Muscat, iżda meta ġiet maqtula permezz ta’ karozza bomba fis-16 ta ’Ottubru 2017, ma ntrefgħet l-ebda responsabbiltà politika.

Fid-dawl ta’ dan, David Casa jinnota li s-sitwazzjoni llum qed tiddeġenera f’disperazzjoni bla preċedent. “Suppost l-arrest ta’ Yorgen Fenech ressaqna eqreb u eqreb lejn il-ġustizzja, iżda l-indħil ta’ Muscat joħloq sitwazzjoni ta’ tħassib kbir li qed ikompli jnaqqar fil-fiduċja fl-istituzzjonijiet ta’ l-Istat. Yorgen Fenech, is-suspettat ewlieni tal-qtil u sid ta’ kumpanija f’Dubai marbuta mal-kumpaniji Panamanjani ta’ Schembri u Mizzi, ġie arrestat jipprova jaħrab minn Malta fuq il-jott lussuż tiegħu.”

Ikompli li Konrad Mizzi u Keith Schembri huma implikati f’reati serji. Ma’ kull ġurnata li tgħaddi qed isir aktar ċar li Daphne Caruana Galizia ġiet maqtula sabiex ma titħalliex tesponi dawn l-istess reati. Il-protezzjoni sħiħa ta’ Joseph Muscat ta’ Schembri u Mizzi sal-ġurnata tal-lum inevitabbilment għamlitu kompliċi fl-azzjonijiet tagħhom.

“Agħar minn hekk Sur President, membri tal-kabinett ta’ Muscat qegħdin jiġu interrogati mill-pulizija b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Minflok jirriżenja, Muscat żied lir-rwol tiegħu f’din l-investigazzjoni. Filwaqt li l-Kummissarju tal-Pulizija qed jirrifjuta li jikkummenta, il-Prim Ministru qed jinforma lill-pubbliku dwar il-progress ta’ investigazzjoni ta’ qtil li tista’ timplika membri tal-kabinett tiegħu stess, u li fiha hemm rabta ċara bejn is-suspettat tal-qtil u Keith Schembri u Konrad Mizzi. Joseph Muscat għandu wkoll is-setgħa li jirrakkomanda maħfra presidenzjali,” jinnota David Casa fl-ittra tiegħu.

Dan waqt li qal li l-Prim Ministru diġà ta assigurazzjoni li se jirrakkomanda tali maħfra lill-intermedjarju involut fil-qtil. Issa Yorgen Fenech talab ukoll maħfra.

“Kif jista’ l-Prim Ministru jiddeċiedi dwar kwistjonijiet bħal dawn meta d-destin politiku tiegħu huwa intrinsikament marbut ma’ ta’ dawk li Yorgen Fenech jista’ jesponi?” staqsa David Casa.

Kompla li “minħabba l-interess ovvju li għandu il-Prim Ministru f’dan il-każ, għandu jkun mil-lewn id-dinja li Muscat iwarrab u jħalli l-investigazzjoni titmexxa indipendentement minn pressjoni politika żejda. Il-Prim Ministru qed jeżerċita influwenza dominanti fuq istituzzjonijiet li suppost huma indipendenti u dan ipoġġih f’sitwazzjoni ta’ kontroll effettiv. Il-fatt li jindaħal b’dan il-mod fl-investigazzjoni tal-qtil qed idgħajjef serjament il-kredenzjali demokratiċi ta’ Malta.”

David Casa jinnota li “huwa il-Prim Ministru Joseph Muscat biss li huwa responsabbli mill-kriżi kostituzzjonali li Malta tinsab maqbuda fiha. Ir-riżenja tiegħu hija importantissima. Il-Prim Ministru m’għadx għandu awtorità morali jew politika biex jirrappreżenta n-nazzjon tagħna bħala pajjiż Ewropew bi kredenzjali demokratiċi. Għalhekk qed nitlobok, bħala President tal-Kunsill Ewropew, biex tintervjeni biex tgħin fil-ħarsien tad-demokrazija ta’ Malta u biex tiżgura r-rispett tal-valuri f’Malta li huma elenkati fl-Artikolu 2 tat-Trattat tal-UE, b’mod partikolari, il-ġustizzja u s-saltna tad-dritt.”