Ikomplu joħorġu iktar dettalji dwar Yorgen Fenech, l-eks Direttur tal-kumpanija Electrogas u li qed jinżamm mill-Pulizija b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-ġurnal Times of Malta illum żvela numru ta’ emails minn Yorgen Fenech rigward il-proġett tal-power station il-ġdida, li kienet wegħda elettorali ewlenija tal-Partit Laburista. Dawn l-emails huma parti minn cache ta’ dokumenti u informazzjoni li ntbagħtu lil Daphne Caruana Galizia. Iktar dokumenti baqgħu ħerġin wara l-assassinju tagħha, u għaddew għand The Daphne Project.
Fost l-emails ippubblikati mill-ġurnal hemm reazzjoni ta’ Yorgen Fenech għal post fuq il-blog ta’ Daphne Caruana Galizia f’Mejju tal-2017. F’din il-post, fl-aħħar ġimgħa tal-kampanja elettorali tal-elezzjoni ġenerali li għaddiet, Daphne Caruana Galizia qalet li l-proġett tal-power station kien għaddej minn diffikultajiet finanzjarji serji fejn il-kredituri u l-ħaddiema kienu ilhom ma’ jitħallsu minn Marzu.
F’wieħed mill-emails, Yorgen Fenech jgħid li din kienet ‘fake news’ u ħadd m’għandu jirreaġixxi sakemm din l-aħbar toħroġ fuq il-media l-oħra.
Kien ukoll f’dan l-istess żmien li feġġ għall-ewwel darba l-isem tal-kumpanija 17 Black …li iżda s-sid tagħha kien Yorgen Fenech kien għadu mhux magħruf.
F’email oħra, Yorgen Fenech qal li “Simon Busuttil kien se jneħħi t-tanker minn Delimara u jixtri l-elettriku mill-interconnector.” Hu esprima x-xettiċiżmu tiegħu iżda ” dan żgur se jallarma lill-kredituri ġodda. Naħseb li għandna nżommu sod għal ġimgħa.” Dan kien fis-27 ta’ Mejju; ġimgħa eżatt qabel l-elezzjoni ġenerali tat-3 ta’ Ġunju
Jum il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia: Yorgen Fenech kien “ma jiflaħx”
Fis-16 ta’ Ottubru 2017, il-jum li fih inqatlet Daphne Caruana Galizia, intbagħtet email lil impjegat ta’ Electrogas li kien qed jiġri wara Yorgen Fenech għall-firma tiegħu biex joħorġu xi pagamenti urġenti. Il-persuna li bagħat l-email qal li rċieva ilmenti minn Portomaso li dan l-impjegat kien qed jibgħat emails u jċempel ifittex lil Yorgen Fenech. Bit-tweġiba tkun: “Yorgen ma jiflaħx u ma jistgħu jagħmlu xejn.” Hemm persuni oħrajn (imsemmija fl-email) li huma firmatarji u jistgħu jiffirmaw minfloku”, tkompli l-email.
Email oħra żvelata mit-Times kienet tat-8 ta’ Frar 2018, lejliet party tal-Electrogas f’Level 22 f’Portomaso u li għalih kien se jattendi l-Prim Ministru u martu. F’din l-email jingħad li Yorgen Fenech kien mistieden jagħmel diskors bħala Direttur lokali (tal-Electrogas). L-email tkompli li Fenech tkellem mal-Kap tal-Protocol fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u qalulu biex jevita diskorsi u kulma għandu jagħmel hu li jilqa’ lill-PM u s-Sinjura Muscat isfel u jakkumpanjahom sa Level 22.
Fit 3 ta’ Ottubru 2017, ġimgħatejn qabel il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech jikteb email dwar il-fond għall-kawżi ġusti tal-Electrogas u jistaqsi x’inhu l-budget. Sussegwentement, f’email oħra, Fenech jispjega li qed jistaqsi għaliex kien avviċinat biex jgħin il-Fondazzjoni ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru. “Inżommuhom f’moħħna għas-sena d-dieħla jekk jogħġobkom”, kiteb Fenech.
//= $special ?>