Lokali

Evarist Bartolo jiddikjara li ma jridx lil Keith Schembri u Konrad Mizzi fil-Partit Laburista

Aktar diżgwit fil-Kabinett ta’ Muscat … Għat-tielet darba fl-aħħar ftit jiem, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo reġa’ tefa’ pressjoni assoluta fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat, b’mod apert fuq Facebook.

Wara li matul il-ġranet li għaddew, b’mod mhux daqsekk ċar, il-Ministru wera li mhux jaqbel mal-mod kif qed imexxi Joseph Muscat meta jħalli fil-pożizzjonijiet li għandhom lill-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri… issa ftit sigħat wara b’mod esklussiv Net News ħabbar li fid-Depot tal-Pulizija kien hemm tliet persuni mis-segretarjat tal-Ministru Chris Cardona li kienu qed jiġu interrogati, Il-Ministru Bartolo jidher li tilef il-paċenzja mal-Prim Minisrtu.

Evarist Bartolo qal li “Anki l-aktar siġra b’saħħitha u li tagħmel ħafna frott trid tieħu hsiebha u tiżborha fejn hemm bzonn, il-bqija timrad kollha kemm hi u tmut. U jekk inħalluha tmut is-siġra tal-Partit Laburista min ha jbati? Dawk li hobżhom maħbuż? Le. Ibatu dawk li jifilħu l-inqas u mingħajr leħen. Huma l-aktar li jispiċċaw ibatu jekk nitilfu l-ġid li hawn. Is-siġra hija ikbar minn kull fergħa. Konrad Mizzi u Keith Schembri jistgħu jagħzlu li, għall-gid tan-nies li għalihom twieled il-Partit Laburista, jwarrbu huma stess. Il-bqija l-Partit Laburista jrid jieħu ħsieb is-siġra biex ma timradx kollha kemm hi u tmut. Qabel ikun tard wisq.”

Il-Ministru m’għamilx referenza għal każ ta’ Chris Cardona pero b’mod ċar qed juri li jemmen li għall-ġid tal-Partit Laburista stess, u għal dawk li jimmilitaw fil-partit Laburista, b’saħħa jemmen li Konrad Mizzi u Keith Schmebri għandhom iwarrbu minnufih.