Internazzjonali

Ġappun: Il-Papa jħeġġeġ lill-mexxejja tad-dinja biex iwarrbu l-armi nukleari

Il-Papa Franġisku  appella lill-mexxejja tad-dinja biex jaċċertaw li l-armamenti nukleari ma jintużaw qatt aktar. L-appell sar l-għada li l-Papa żar l-ibliet ta’ Hiroshima u Nagasaki — l-uniċi bliet fid-dinja li qatt spiċċaw mira speċifika għall-bombi atomiċi.

Id-diżarm nukleari kien element ewlieni taż-żjara tal-Papa fil-Ġappun li għadu affettwat bil-memorji koroh tal-attakki atomiċi li temmew it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-Ġappun, illum, hu anki allarmat dwar il-programm nukleari u l-provi tal-missili min-naħa tal-Korea ta’ Fuq komunista.

Sadanittant, il-Papa, waqt diskors, f’Tokjo, lill-persuni distinti – fosthom il-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe — talab ‘biex il-persuni kollha ta’ rieda tajba jinkoraġġixxu u jippromwovu l-mezzi kollha biex il-qerda ġenerata mill-attakki atomiċi fuq Hiroshima u Nagasaki ma jirrepetu ruħhom qatt fl-istorja tal-bniedem’.

Fl-istess ħin, il-Papa, b’referenza ċara għat-tensjoni mal-Korea ta’ Fuq, tenna li d-djalogu ‘hu l-unika arma denja għall-bniedem u li kapaċi taċċerta paċi dejjiema’. Shinzo Abe, intant, wieġeb li l-Ġappun hu impenjat għal dinja ħielsa mill-armi nukleari.

Il-Papa hu favur it-trattat tan-Nazzjonijiet Uniti intiża biex tipprojbixxi l-armi nukleari. Il-kapaċità għall-qerda minn dawn l-armi kienet ukoll is-suġġett tal-laqgħa bejn il-Kap tal-Kattoliċi u l-Imperatur Naruhito tal-Ġappun. F’impenn ieħor, il-Papa  esprima l-inkwiet tiegħu dwar is-sorsi futuri għall-enerġija meta hu kien qed isabbar lill-vittmi tad-diżastru tal-2011 fir-reattur nukleari ta’Fukushima.

Fl-istess ħin, il-Papa – li, kmieni llum iċċelebra quddiesa fi stadium ta’ Tokjo – insista bl-oppożizzjoni tiegħu għall-piena tal-mewt li għadha qed tkun applikata fil-Ġappun. Il-Papa Franġisku, għada, itemm iż-żjara fil-Ġappun li ilha għal erbat ijiem.