Lokali

Il-gwerra fil-Kabinett ta’ Muscat issa fil-miftuħ

Huma bosta dawk li ilhom jilmentaw li l-affarijiet fil-Kabinett tal-Gvern m’humiex sbieħ daqs kemm jipprova jpenġihom Joseph Muscat.

Konferma ta’ dan kienet dalgħodu meta l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ħareġ qatta bla ħabel jiddikjara li ma jridx lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri jibqgħu jiffurmaw part mill-Partit Laburista.

B’reazzjoni fil-miftuħ, b’post fuq Facebook, kompla din il-Gwerra l-Ministru Konrad Mizzi li qal li “Mhux se jirrispondi pubblikament għall-kritika minn xi kollegi. Kulħadd għandu dritt jesprimi fehmtu, iżda l-ħsara li għamlu lil pajjiżna ċerti nies hija irreparabbli. Dawn kuntenti jkissru ‘l pajjiżna, basta jitkisser il-Prim Ministru u ta’ madwaru. Il-mistoqsija hija sempliċi – għandna issa nippremjaw dan it-tip ta’ aġir?”

Konrad Mizzi kompla l-messaġġ tiegħu billi qal “Kuraġġ ħbieb, erbaħnilom qabel u se nkomplu nirbħu ghax is-sewwa jerbaħ dejjem.” .. dan anke fid-dawl tal-fatt li bħalissa isem l-istess ministru qed jissema mhux ftit fil-media b’rabta mal-investigazzjonijiet li għaddejin.

Kienu bosta dawk li sejħu għar-riżenja ta’ Mizzi għaliex Yorgen Fenech, l-allegat moħħ wara l-assissnju ta’ Daphne Caruana Galizia huwa sid il-kumpanija 17 Black li skont korrispondenza li nkixfet fil-Panama Papers kienet qed tgħati kick-backs lill-kumpanija ta’ Konrad Mizzi Hearnville.

Minkejja dan kollu, Konrad Mizzi, qed jibqa’ jifforma parti mill-Gvern ta’ Joseph Muscat, anke għaliex l-istess Prim Ministru qed iħalli l-ġlied fil-Kabinett tiegħu dejjem jikber mingħajr ma jerfa’ r-responsabiltà u jieħu azzjoni fil-konfront tal-Ministru Mizzi u taċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri.