Futbol Sport

Gżira United jitilgħu fit-tieni post

Rapport: Rowen Camilleri

SENGLEA ATHLETIC …… 1

GŻIRA UNITED……………. 3

Senglea: A. Curmi, S. Olberkis, D. Debono (J. Tanti 71’), E. Sakyi, M. Micallef, G. Virano (J. Micallef 89’), T. Marikawa, J. Teixeira, S. Cipriott, W. Zamble, A. Carniero (L. Grech 81’)

Gżira: J. Haber, F. Barbosa, G. Conti, N. Muscat (R. Camilleri 90’), Z. Scerri, R. Soares, A. Cohen, A. Samb, A. Oyama, M. Davis (C. Sammut 85’), J. De Assis.

Imwissija: J. Haber 5’ G. Conti 18’, R. Soares 31’ (G) J. Teixeira 66’, S. Cipriott 78’ (S)

Tkeċċa: E. Sakyi 25’ (G)

Skorjaw: G. Virano 6’ (S) R. Soares 35’, J. De Assis 62’, G. Conti 81’ (G)

Referee: Stefan Pace

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Paul Apap

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Jefferson De Assis (Gżira United)

BOV Plejer tal-logħba: Jefferson De Assis (Gżira United)

Attendenza: 352

Fl-aħħar konfront mill-11-il ġurnata tal-Kampjonat Premier, Ġżira United għelbu lil Senglea Athletic bl-iskor ta’ 3-1 biex b’hekk issa telgħu fit-tieni post tal-klassifika bi 22 punt. Iż-żewġ timijiet kienu ġejjin minn telfiet qabel il-waqfa tan-nazzjonal b’Senglea jitilfu 1-0 kontra Valletta filwaqt li l-Maroons sofrew telfa bl-istess skor kontra Sirens. Il-partita ntlagħbet f’xita qliel li għamlitha diffiċli mmens għaż-żewġ timijiet anke minħabba r-riħ qawwi li ħakem l-Istadium taċ-Ċentinarju.

Mill-formazzjoni kontra Valletta, il-kowċ ta’ Senglea Mario Muscat wettaq xejn inqas minn tliet bidliet fejn minflok Matthew Farrugia, Leighton Grech u David Xuereb bdew il-partita Anthony Curmi bejn il-lasta, Gonzalo Virano u Taisei Marukawa. Giovanni Tedesco ukoll kien sfurzat jibdel tliet plejers hekk kif kellu lil Hamed Kone u Clifford Gatt Baldacchino sospiżi u Juan Corbalan li weġġa mat-tim nazzjonali kontra Spanja. Minflokom bdew Zach Scerri, Andrew Cohen u martin Davis.

Wara biss sitt minuti logħob Senglea marru fil-vantaġġ meta Taisei Marukawa rċieva ballun minn nofs, rnexxielu jiżmarka ruħu u ġie mwaqqa’ fil-kaxxa minn Haber, bir-referee jordna penalty. Mill-11-il metru kien GONZALO VIRANO li bil-kalma kollha tefa’ fix-xibka.

Senglea reġgħu marru viċin fil-11-il minuta meta l-free-kick ta’ Virano sab lil Olberkis li minn taħt Haber għamel l-impossibbli u tefa’ barra. Ħames minuti wara il-konklużjoni minn barra l-kaxxa ta’ Jefferson ġiet milqugħa minn Curmi, il-ballun waqa’ f’saqajn Oyama li ra x-xutt tiegħu jiġi ddevjat f’korner mid-difensur Sigitas Olberkis.

Fil-25 minuta Senglea Athletic ħadu daqqa ta’ ħarta hekk kif l-eks midfielder ta’ Gżira Elvis Sakyi ġie muri karta ħamra diretta għal fawl fuq Martin Davis. Gżira United kisbu l-gowl tad-draw fil-35 minuta meta minn korner ta’ Andrew Cohen, il-ballun niżel fil-kaxxa ż-żgħira ta’ Senglea b’bosta plejers jissieltu biex jieħdu l-ballun biex finalment kien RODOLFO SOARES li kkonkulda fil-lasta minn taħt Curmi.

Ġżira marru fil-vantaġġ fit-62 minuta bi ġmiel ta’ gowl ta’ JEFFERSON DE ASSIS, li minn azzjoni personali avvanza u b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka, b’Curmi ma seta jagħmel xejn.

Minkejja li b’raġel inqas Senglea baqghu jinsistu u fil-75 minuta Marukawa daħal fil-kaxxa iżda l-konklużjoni fil-baxx tiegħu għaddiet ftit barra. Gżira ssiġġillaw ir-rebħa fil-81 minuta meta l-plejer tal-logħba Jefferson De Assis għadda pass vertikali lejn GIANMARCO CONTI li mill-viċin ma żbaljax.