Lokali

“Il-ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna hi kważi irreparabbli” – Id-Deputat PM Chris Fearne

“Min wettaq il-qtil, min ordna li jsir dan l-assassinju u min kien b’xi mod involut, mhux biss wettaq reat orrend imma għamel ħsara kbira – ma ngħidx irreparabbli imma kważi irreparabbli – lir-reputazzjoni ta’ Malta.”

Kliem il-Viċi Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne f’kummenti lill-media hu dieħel fil-Berġa ta’ Kastilja għal laqgħat urġenti tal-Kabinett u tal-Grupp Parlamentari Laburista fejn qed jiġu diskussi l-aħħar żviluppi b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista’ Daphne Caruana Galizia.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne (FILMAT: Times of Malta)

Hu qal li l-prijorita’ f’dawn is-siegħat u f’dawn il-ġranet hi li l-każ jiġi solvut u jingħata r-riżorsi kollha biex jiġi solvut “biex nibdew inġibu r-reputazzjoni ta’ Malta lura fejn għandha tkun”

Mistoqsi minn Times of Malta jekk il-Gvern jistax ikompli b’Keith Schembri u Konrad Mizzi bħala parti minnu, Chris Fearne wieġeb li filwaqt li l-prijorita’ tibqa’ li jissolva il-każ, dan ma jfissirx li l-“konsegwenzi politiċi se jiġu skartati” u li ħadd m’hu ikbar mill-pajjiż u mill-partit.

“Kulħadd irid jirrispondi għall-liġi; ħadd m’hu ‘il fuq mill-liġi.” Tenna l-Viċi Prim Ministru, li esprima l-fiduċja sħiħa fil-pulizija li se “jagħmlu dan kollu mingħajr ma jħarsu lejn wiċċ ħadd.”