Lokali

Il-Gvern Laburista jaħrab minn dibattitu parlamentari għat-tielet darba fi ftit jiem

Il-Gvern Laburista reġa’ mill-ġdid ħarab milli jiddiskuti s-sitwazzjoni delikata u urġenti f’pajjiżna b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fil-Parlament, il-Kap tal-PN Adrian Delia talab biex il-Kamra tiddiskuti immedjatament dak li għaddej bħalissa f’pajjiżna. Dan sar permezz ta’ mozzjoni illi ressaq.

It-talba saret anke fid-dawl illi fl-aħħar sigħat Ministru tal-Gvern – Chris Cardona – u tliet membri tas-Segretarjat tiegħu, saħansitra spiċċaw jissejħu quddiem il-Pulizija fid-Depot.

Madankollu d-Deputati tal-Gvern, ewlieni fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat, insistew li dan id-dibattitu Parlamentari ma jsirx u nfexxew jikkwotaw diversi teknikalitajiet biex jaħarbu mid-diskussjoni.

Ladarba ma kienx hemm qbil, l-Ispeaker intalab jagħti ruling u jiddeċiedi dwar dan, li fih ordna li x-xogħol tal-Kamra jibqa’ għaddej b’mod normali.

Din kienet it-tielet darba fi ftit jiem li l-Gvern Laburista ħarab minn diskussjoni parlamentari.