Internazzjonali

Il-Gvern ta’ Hong Kong jirrifletti fuq id-disfatta elettorali

Il-Mexxejja ta’ Hong Kong, Carrie Lam, qalet li l-Gvern tagħha se ‘jirrifletti bis-serjetà’ dwar is-sitwazzjoni wara li l-kandidati favur id-demokrazija kisbu rebħa kbira fl-elezzjonijiet lokali ta’ nhar il-Ħadd. Dan meta 17 minn fost it-18-il kunsill distrettwali ta’ Hong Kong huma kontrollati mill-kunsillieri li jridu jippromwovu kunċett akbar ta’ demokrazija f’dan it-territorju li jgawdi livell ta’ awtonomija miċ-Ċina.

’Il fuq minn 71 fil-mija tar-residenti f’Hong Kong (ċifra bla precedent) ivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Ħadd  li kienu l-ewwel elezzjonijiet mindu, xhur ilu, bdiet il-mewġa ta’ protesti (attwali) kontra l-awtoritajiet komunisti f’Beijing.

Ir-rebħa konvinċenti għall-kandidati favur id-demokrazija titqies ukoll bħala kundanna għat-tmexxija ta’ Carrie Lam bħala l-Kap Eżekuttiv ta’ Hong Kong li għandha l-appoġġ taċ-Ċina. Dan minbarra li konsolidat l-appoġġ għall-moviment li qed imexxi l-protesti.

Fl-aħħar xhur, Hong Kong għadda minn sensiela ta’ dimostrazzjonijiet vjolenti u li żbruffaw wara li Carrie Lam ippruvat tintroduċi abbozz ta’ liġi kontroversjali li kellu jiffaċilita l-estradizzjoni taċ-ċittadini ta’ Hong Kong lejn iċ-Ċina.

Intant, Carrie Lam, isssa, stqarret li l-Gvern ta’ Hong Kong qed jirrispetta r-riżultati tal-elezzjonijiet ‘li jirriflettu kemm in-nies mhumiex kuntenti bis-sitwazzjoni attwali u bil-problemi profondi qalb is-soċjetà’.

Carrie Lam kompliet li l-Gvern tagħha, issa, ‘għandu jisma’ u jirrifletti bl-umiltà fuq l-opinjonijiet tal-pubbliku’.