Lokali

Il-Malita jaħbat mal-moll tal-Imġarr … se jiġi trasferit lejn it-tarzna

Ritratt mill-Arkivji

Il-bastiment tal-kumpanija Gozo Channel, Malita, kien involut f’inċident li jidher li hu dovut għall-maltemp li qed jolqot lil pajjiżna.

Sorsi ta’ Net News li jinsabu fl-Imġarr, Għawdex, jindikaw li l-bastiment jidher li ħabat mal-moll waqt li kien qed jitrakka, bil-konsegwenza li saritlu l-ħsara. Fortunatament ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.

L-ewwel spezzjonijiet li saru fuqu jindikaw li dan se jkollu jiġi trasferit lejn it-tarzna biex issirlu l-manutenzjoni meħtieġa.

Fi stqarrija, il-kumpanija Gozo Channel ħabbret li qed tħejji “Incident Report” u qed tagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji.

Dan apparti li se tkun qed topera fuq skeda speċjali biex takkomoda lill-klijenti tagħha sakemm l-MV. Malita issirlu t-tiswija neċessarja.

L-inċident ifisser li issa s-servizz bejn Malta u Għawdex hu sfurzat jopera biss b’żewġ bastimenti, minn total ta’ erbgħa. Dan hekk kif l-aħħar bastiment li żdied mal-flotta, Nikolaus, jinsab barra mis-servizz hekk kif qed isirulu modifikazzjonijiet fuqu.