Lokali

“Il-politiċi eletti biex iservu lill-poplu” – is-CMTU

Il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Maltin, is-CMTU, fi stqarrija fakkret lill-politiċi li huma eletti biex iservu lill-poplu, u mhux viċi versa waqt li esprimiet it-tama li fejn hemm il-provi ta’ ksur ta’ liġi, ir-responsabbiltà tintrefa’.

Dan hekk kif fi stqarrija, is-CMTU rreaġixxiet fid-dawl ta’ dak li għaddej bħalissa f’pajjiżna, li ddeskrivietu bħala “mument kruċjali fl-istorja ta’ Malta.”

Waqt li tkellmet “f’isem iċ-ċittadini Maltin u onesti, li jaqilgħu l-għixien tagħhom b’mod onest u jħallsu t-taxxi,” is-CMTU offriet l-appoġġ tagħha “lill-istituzzjonijiet li qed jinvestigaw il-korruzzjoni u atti kriminali serji.”

Dan waqt li offriet ukoll appoġġ lil dawk kollha responsabbli miż-żamma tal-liġi u l-protezzjoni tal-ġustizzja “biex ikunu jistgħu jkomplu jaqdu dmirhom fl-interess tal-pubbliku.”

Is-CMTU tesprimi t-tama wkoll li l-awtoritajiet iwasslu messaġġ b’saħħtu li kulħadd hu ugwali quddiem il-liġi” u li “fil-politika m’hemmx spazju għal persuni li jpoġġu l-interess personali quddiem l-interess pubbliku.”

Fl-istqarrija, is-CMTU tesprimi tama li l-ġustizzja tkun servuta.”