Lokali

Il-UĦM taqbel li l-Parlament għandu jitlaqqa’ b’mod urġenti

Ritratt: Matthew Tabone
Tappella lin-nies għall-protesta

Il-UĦM Voice of the Workers qed tistenna li, f’kull ċirkostanza, il-pajjiż għandu jiġi qabel kull interess ulterjuri. Fi stqarrija, il-UĦM appellat lis-soċjetà sabiex tipprotesta b’mod ċiviku titlob lill-Gvern biex ma jimbuttax lill-poplu fil-preċipizju tar-rabja.

Il-UĦM tisħaq li f’kull ċirkostanza għandu jkun hemm istituzzjonijiet li jaħdmu u jaħdmu fil-ħin.

Il-ġustizzja għandha mhux biss tidher li qed issir imma li effettivament issir.

Il-UĦM tistenna li kif ħaddiem jiġi sospiż f’ċirkostanzi li jkun hemm suspett ċar ta’ nuqqas min-naħa tiegħu, allura bl-istess mod Ministru u Chief-of-Staff ta’ Prim Ministru għandhom ikunu ta’ eżempju għal ħaddiehor billi jirriżenjaw jew, tal-inqas, jissospendu ruħhom sakemm issir l-investigazzjoni xierqa.

Għaldaqstant, il-UĦM tappella lill-membri parlamentari sabiex jitlaqqa’ l-Parlament ħalli b’mod urġenti ssir diskussjoni dwar din is-sitwazzjoni prekarja f’dan il-pajjiż. Dan hu l-istess appell li għamel il-Kap tal-PN Adrian Delia nhar is-Sibt li għadda – sejħa li l-Gvern ta’ Muscat qed jirreżisti.

Il-UĦM fl-istqarrija qalet b’mod ċar:-

Stand up to be counted…membri Parlamentari ta’ rieda tajba li jġibu l-interess nazzjonali l-ewwel u qabel kollox;

Stand up to be counted…lill-istituzzjonijiet nazzjonali biex bla biża’ u favuri jaqdu dmirijiethom fl-interess nazzjonali;

Stand up to be counted…lill-korpi kostitwiti sabiex isemmgħu leħinhom fl-interess nazzjonali għan-nom tal-membri tagħhom.

Il-UĦM qed tisħaq Stand up to be counted…lill-ħaddiema u lill-poplu b’mod ġenerali f’dan il-mument fejn pajjiżna qed isejħilkom u nżommu quddiem għajnejna li Malta l-ewwel u qabel kollox.

Intant, anke l-għaqda studenteska SDM qed tisħaq li dan hu mument sensittiv għall-pajjiż, u kulħadd irid jagħmel mezz biex iwassal il-vuċi tiegħu favur il-ġustizzja u r-responsabbilta’ politika.