Futbol Sport

Konferma li Ibrahimovic mhux se jingħaqad ma’ Tottenham

(Ritratt: EPA)

Il-kowċ ta’ Tottenham Josè Mourinho kkonferma li Zlatan Ibrahimovic mhux se jingħaqad magħhom filwaqt li faħħar lill-attakkant Harry Kane. Ibrahimovic ħadem ma’ Mourinho kemm ma’ Inter kif ukoll ta’ Manchester United u se jkun liberu wara li dan ix-xahar ħabbar li se jħalli lil Los Angeles Galaxy fi tmiem is-sena.

Mourinho li se jkun qed imexxi lil Tottenham fiċ-Champions League għall-ewwel darba għada, qal li m’hemmx ċans li Ibrahimovic jiffirma mal-klabb sakemm hemm Harry Kane magħhom.

“Aħna għandna l-aqwa attakkant fl-Ingilterra. Wieħed mill-aqwa, tnejn jew tliet attakkanti fid-dinja. Ma tagħmilx sens li bil-kobor ta’ Zlatan, attakkant li jinsab fit-tletinijiet tiegħu imma li jista’ jilgħab ma’ kull klabb fid-dinja, jiġi fi klabb meta għandna lil Harry Kane,” qal Mourinho. Tottenham jikkwalifikaw mal-aħħar 16 jekk jirbħu kontra Olympiakos.