L-Armata u l-qawwiet tas-sigurtà Lebaniżi ħadu kontroll tas-sitwazzjoni fin-naħa t’isfel ta’ Bejrut wara sensiela ta’ konfronti – fost ċirkustanzi kaotiċi – bejn dimostranti u s-sostenituri tal-grupp militanti Hezbollah u l-moviment Amal.
Intant, il-membri tal-Armata rnexxielhom iwaqqfu ‘linja ta’ separazzjoni’ bejn is-sostenituri tal-entitajiet rivali biex jevitaw aktar inkwiet – bl-aħħar rapporti jirreferu għal diversi midruba wara t-tfigħ ta’ ġebel kontinwu ‘bejn il-membri tal-gruppi avversarji’.
Aktar kmieni, kien irrapputat li gruppi ta’ persuni li jappoġġjaw lill-Hezbollah u Amal kienu marru fiċ-ċentru ta’ Bejrut u waqqgħu tinda tad-dimostranti li kienu għaddejjin bl-attivitajiet paċifiċi – u bir-riżultat ta’ ‘battalji tal-massa’ fl-inħawi. Il-konfronti komplew sakemm waslet l-Armata li bdiet minnufih l-isforzi biex tirristawra l-ordni fil-kapitali.
Il-protesti kontra l-Gvern fil-Libanu ilhom għaddejjin mis-17 ta’ Ottubru, meta d-dimostranti qed jinsistu għal riformi ekonomiċi u biex ikunu investigati l-uffiċjali involuti fil-korruzzjoni.
Id-dimostrazzjonijiet kontra t-Tmexxija tal-Libanu qegħdin ikomplu minkejja r-riżenja, fid-29 ta’ Ottubru, tal-Prim Ministru Lebaniż, Saad Hariri, u l-Kabinett tiegħu.
//= $special ?>