Lokali Qorti

Mixli li seraq lil ommu, taha daqqa ta’ ħarta u anke heddidha

Raġel ta’ 53 sena, li ma jaħdimx u li huwa mill-Imsida baqa’ miżmum taħt arrest preventiv wara li kien mixli li seraq diversi oġġetti mid-dar ta’ ommu fejn jgħix magħha, ta daqqa ta’ ħarta u li anke heddidha.

Stephen Zammit li għandu problema ta’ droga tressaq quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello ġie akkużat b’serq aggravat u bil-valur kif ukoll li kkommetta frodi u falsifikazzjoni, li ta fastidju lil ommu u li kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenza sospiża.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-oġġetti misruqa kienu ċurkett, set tat-televiżjoni u oġġetti oħra li l-valur tagħhom jaqbeż l-€2300. L-Ispettur Colin Sheldon qal li omm l-akkużat għamlet diversi rapporti lill-Pulizija fuq binha.

Sheldon spjega li nhar is-Sibt allegatament li huwa daqqa ta’ ħarta lil ommu ta’ 77 sena. Huwa qal li kull ma għamel kien biss li pprova jżomm bieb milli jinstabat u laqatha.

Sadanittant mit-tweġibiet li huwa ta, s-‘Social Workers’ tal-Appoġġ, ikkalkulaw li r-raġel huwa fi stat ta’ riskju medju iżda qalu li huwa għandu jiġi ttrattat bħala riskju għoli, u dan mill-esperjenza professjonali tagħhom.

Wara huwa kien arrestat u ttieħed għall-interogazzjoni kompliet tgħid il-Prosekuzzjoni. L-Avukat tiegħu Vincienne Vella, wieġbet mhux ħati f’isem il-klijent tagħha. F’dan l-istadju hija ma talbitx għal libertà proviżorja, peress li r-raġel jgħix mal-allegata vittma.

Ħareġ ukoll li huwa se jibda kors ta’ riabilitazzjoni kontra d-droga l-ġimgħa d-dieħla. Il-Qorti qalet li hija qed tinnota li Zammit se jinżamm taħt arrest fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u peress li d-difiża qalet li għandu problema ta’ droga, kienet qed tirrakkomanda lid-Direttur tal-Ħabs biex jipporovdilu l-assistenza neċċessarja dwar dan.