Lokali Qtil Politiku

Muscat jibqa’ jservi ta’ tarka għal Konrad Mizzi u Keith Schembri

Il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu sejjaħ lill-Grupp Parlamentari Laburista għal laqgħa f’Kastilja. Il-laqgħa bdiet għall-ħabta ta’ nofsinhar u madwar siegħa qabel bdiet, wasal iċ-Chief of Staff ta’ Muscat, Keith Schembri, li jinsab implikat f’każi ta’ korruzzjoni, ta’ ħasil ta’ flus u saħansitra fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Schembri daħal jiġri Kastilja biex jiskapula l-ġurnalisti.

Ftit wara bdew jaslu d-deputati Laburista, bil-ġurnalisti jistaqsuhom dwar il-pożizzjoni tagħhom fil-konfront tal-Ministru tat-Turiżmu u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.

B’ħafna minnhom jistaħbew wara l-Prim Ministru u oħrajn ikunu aktar diretti fit-tweġibiet tagħhom.

U wara 4 sigħat maqfula fl-Uffiċju tal-Prim Ministru, ħadd mid-Deputati ma ried jikkummenta dwar dak li kien seħħ wara bibien magħluqa.  Lanqas il-Ministru Bartolo li sa ftit ħin qabel kiteb diversi posts fuq il-media soċjali fejn qal li jeħtieġ isir xi ħaga biex is-siġra tal-Partit Laburista ma titmermirx u tmut.

U quddiem kriżi politika bla preċedent, allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni u  l-qtil ta’ ġurnalista, il-magna ta’ Kastilja għażlet li toħroġ stqarrija dwar Joseph Muscat. U xejn aktar. L-ebda referenza għal Keith Schembri. L-ebda referenza għal Konrad Mizzi.

Stqarrija biex taparsi turi “lealta” lejn il-Prim Ministru u li tinjora għal kollox ir-realtà preżenti ta’ pajjiżna.

Għal laqgħa kien hemm preżenti wkoll l-istess Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri li daħal jiġri Kastilja biex jaħrab il-mistqosijiet tal-ġurnalisti.

Intant, il-Ministru Konrad Mizzi, li dwaru diversi deputati Laburista għandhom riżervi kbar u li uħud minnhom saħansitra talbu r-riżenja tiegħu baqa’ jinsisti li ma jafx min hi 17 Black u baqa’ jiddefendi lil Keith Schembri.

Sadanittant, mill-istqarrija stess li hareg il-Gvern joħroġ ċar li fil-laqgħa tant kien hemm diżgwid li ċertu “deċiżjonijiet” baqgħu ma ttieħdux.