Lokali Qorti

Sitt xhur ħabs għal Eġizzjan wara li nqabad b’timbru falz

Eġizzjan ta’ 36 sena ġie kundannat sitt xhur ħabs mill-Maġistrat Rachel Montebello wara li nqabad fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta b’timbru falz fuq il-passaport, hekk kif kien għadu kemm jasal minn titjira mill-kapitali Eġizzjana, l-Kajr.

Amin Mahmoud Soultan li tressaq mill-Ispettur Hubert Gerada kellu passaport validu iżda kellu fuqu timbru ta’ Visa Taljana li kien imbagħbas. Dan it-timbru kkonferma li huwa għamel xi żmien jgħix l-Italja.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti ordnat li wara li jiskonta l-piena għandu jintbagħat lura pajjiżu. Għall-Eġizzjan deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Simon Micallef Stafrace.