Internazzjonali

Albanija: Mejtin u midruba fl-akbar terremot għal għexieren ta’ snin

Terremot kbir li rreġistra 6.4 fuq l-Iskala Richter u li qed jissemma bħala l-agħar wieħed għal 30 sena (fil-pajjiż) ħalla tal-anqas 15-il mejtin u ‘baħar ta’ tifrik’ wara li ċedew ammont ta’ bini. Dan meta l-iskwadri għall-emerġenza għadhom qed jistinkaw biex joħorġu lin-nies minn taħt il-munzelli tar-radam li kien għad fadal mill-bini mwaqqa’.

Dan it-terremot laqat zona xi 34 kilometru lejn il-majjistral ta’ Tirana fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu. Sigħat wara, terremot separat heżżeż il-belt ta’ Mostar, fil-Bosnja, u minn fejn ma ħarġux rapport dwar vittmi.

Il-Prim Ministru Albaniż, Edi Rama, kiteb messaġġ fuq Twitter fejn qal li ‘il-poplu kollu Albaniż spiċċa vittma ta’ din it-traġedja’ u li l-awtoritajiet qegħdin jagħmlu minn kollox possibbli biex l-għajnuna tasal fl-inħawi milquta.

L-aħħar rapport qalu li ’l fuq minn 600 persuna ngħataw trattament l-isptar wara li batew l-effetti tat-terremot. ’Il fuq minn 300 minnhom ingħataw it-trattament f’Tirana u fil-belt ta’ Durres. Dan meta l-iskejjel ma fetħux fl-Albanija minħabba s-sitwazzjoni ta’ emerġenza li baqgħet valida għal ħafna bnadi tal-pajjiż.

Wieħed mill-mejtin waqt it-terremot kien raġel li, fil-paniku, qabeż minn tieqa fil-għoli fl-inħawi ta’ Kurbin. Intant, il-ħaddiema għall-emerġenzi nfurmaw lill-midja dwar każ fejn mara anzjana tilfet ħajjitha wara li offriet ruħha bħala ‘tarka’ għan-neputi ċkejken waqt li kienu qed iċedu l-biċċiet tal-bini għal fuqhom, In-neputi salva b’ħajtu.

L-iskwadri għall-emerġenza u l-membri tal-Armata qegħdin jippruvaw jgħinu lir-residenti maqbudin taħt it-terrapien f’Durres, fejn kien ikkonfermat li mietu tal-anqas erba’ persuni.

Kienu wkoll ikkonfermati diversi mejtin fil-belt ta’ Thumane, lejn it-Tramuntana ta’ Tirana u qrib l-epiċentru tat-terremot. Tal-anqas persuna tilfet ħajjitha f’Lezha, bl-awtoritajiet Albaniżi jesprimu tħassib dwar il-possibbiltà li ntradmu, f’diversi bnadi, numru ta’ persuni li ‘ma dehrux aktar’ wara t-terremot.

Matul il-ġurnata kien hemm sensiela ta’ theżżiż sekondarju (aftershocks) fl-Albanija, b’waħda minnhom timmarka 5.3 fuq l-Iskala Richter.

Intant, it-terremot tal-aħħar sigħat f’dan il-pajjiż jidher li hu ‘it-tieni l-agħar’ wara dak tal-1979, li rreġistra 6.9 fuq l-Iskala, u li kien ħalla 136 mejtin minbarra ’l fuq minn elf midruba.