Lokali

Yorgen Fenech jgħid lill-Pulizija li lest jixhed kontra Keith Schembri

Lest jagħti din l-informazzjoni biss jekk jingħata l-Proklama

Illum mistenni jkun jum kruċjali fl-investigazzjonijiet relatati mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan wara li, skont sorsi qrib l-investigazzjonijiet, fis-sigħat li għaddew in-negozjant Yorgen Fenech insista mal-Pulizija li lest jagħti xiehda li tipponta lejn iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri…inkluż informazzjoni dwar stejjer ġodda, flimkien ma’ allegazzjonijiet serjissimi li diġa’ kienu fid-dominju pubbliku.

Is-sorsi tagħna qed jikkonfermaw li Fenech lest jagħti din l-informazzjoni biss kemm-il darba jingħata l-proklama. Jidher ukoll li għad hemm dubji serji dwar ir-rwol eżatt ta’ Yorgen Fenech f’dan il-każ ta’ qtil, u mhux eskluż li anke hu seta’ aġixxa bħala “middleman” – xenarju li jagħti dimensjoni ġdida għal dak kollu li assistejna għalih fl-aħħar ġimgħatejn.

Tard ilbieraħ bil-lejl, Net News irrapporta li kien hemm laqgħa twila fir-residenza privata tal-Prim Ministru f’Burmarrad bejn Keith Schembri u Joseph Muscat.

Wara dan l-iżvilupp, diversi siti irrapportaw dak li qed jgħid Net News – li isem Keith Schembri qed ikun marbut ma’ serje ta’ skandli ta’ korruzzjoni, bl-informazzjoni l-ġdida diġa’ tinsab għand il-Pulizija.

Dan is-sit jista’ jiżvela li llum mistennija żviluppi importanti, anke ibbażati fuq din l-informazzjoni li qed tipponta dejjem aktar lejn iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.

Ilbieraħ kien konfermat li l-“middleman” Melvin Theuma ingħata l-maħfra Presidenzjali. U issa, anke Yorgen Fenech qed jitlob li jingħata din il-proklama.