Lokali

Fabbrika f’Bulebel tieħu n-nar

Partijiet minn fabbrika f’Bulebel, li qabel kienet il-Crystal Pharma Ltd, ħadet in-nar kmieni dalgħodu, għall-ħabta tal-05:00.

Fil-post issejħu immedjatament il-membri tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll diversi uffiċjali tal-Pulizija li waslu fil-post u għalqu l-aċċess għaż-żona.

Fortunatament, f’dan l-inċident ħadd ma weġġa’.

Din mhix l-ewwel darba li dan is-sit ħa n-nar. Fl-2009, sparks minn chaser kien ikkawża splużjoni kbira fil-fabbrika li kienet għadha tiftaħ.

Dan il-każ kien wassal biex fl-2016, il-kumpanija tħallas mijiet ta’ eluf ta’ ewro lil kumpanija tal-assigurazzjoni u oħra tal-asfalt.