Internazzjonali

Ġappun: Il-Papa jtemm iż-żjara b’appell għal soċjetà inklussiva

Il-Papa Franġisku ikkonkluda ż-żjara fil-Ġappun b’appell lill-istudenti ta’ Università Kattolika biex huma jaħdmu lejn ‘futur mibni fuq it-tama u li jkun inklussiv għal kulħadd’, permezz tal-inizjattivi li jindirizzaw lill-persuni emarġinati fis-soċjetà.

Fl-indirizz tiegħu, fl-Università ta’ Sophia, il-Papa qal li, fil-Ġappun, qed jara x-xewqa għat-tkattir ta’ soċjetà aktar umana u li tagħder. Hu ħeġġeġ biex l-università tkompli tagħmel il-parti tagħha ‘għall-unjoni ta’ realitajiet li, fil-preżent, kapaċi jkunu kunsidrati bħala kulturalment u soċjalment separati’. Dan waqt li l-emarġinati jkunu inkorporati b’mod kreattiv fil-ħajja u l-kurrikulum tal-università.

Intant, iż-żjara tal-Papa fil-Ġappun tibqa’ imfakkra għad-diskorsi mqanqlin tiegħu b’messaġġ kontra l-armi nukleari. Dan fost iż-żjarat li hu għamel f’Hiroshima u Nagasaki – l-uniċi bliet li qatt sfaw mira ta’ attakki bil-bombi atomiċi li kienu seħħew fl-1945, lejn l-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-Papa Franġisku, tul iż-żjara, enfasizza l-ħtieġa li l-mexxejja politiċi jwarrbu għall-armi nukleari u t-tellieqa għall-aktar armi qerrieda u sofistikati ta’ żmenijietna. Hu tenna li l-mexxejja jridu jiftakru li dawn l-armamenti ma jistgħux iservu bħala protezzjoni quddiem it-theddid lis-sigurtà  fuq livell nazzjonali u daqstant ieħor internazzjonali.

Qabel iż-żjara fil-Ġappun, il-papa kien mar fit-Tajlandja biex jippriedka dwar l-importanza tal-paċi u t-tolleranza reliġjuża.