Lokali

“Ħtieġa li tiġi fi tmiemha l-kriżi”

Ħtieġa li tiġi fi tmiemha din il-kriżi. Hekk saħaq l-editorjal tat-Tlieta tat-Times of Malta illi sostna li pajjiżna jinsab viċin li jidħol f’kaos totali hekk kif anki d-deputati Laburista jinsabu maqsuma.

L-editorjal tat-Times jgħid li l-Prim Minisitru Joseph Muscat ma tantx jista’ jirreżisti aktar għaliex il-Partit tiegħu qed jibqa’ jitkisser.

Bħalissa jidhru ix-xquq fil-Gvern u din qed tidher anki mill-atteġġjament ta’ Ministri prominenti jitfgħu l-akkużi wieħed fuq l-ieħor.

L-editorjal tenna li s-sitwazzjoni preżenti ħadd ma jista’ jaħrab minnha, u Malta preżentament qed taffaċċja kriżi kostituzzjonali. It-Times kompliet billi qalet li l-ministri jinsabu fi ġlieda biex isalvaw ġildhom u mhux  jikkonċentraw fuq l-Istat.

L-editorjal għalaq billi qal li Joseph Muscat seta’ kkalma s-sitwazzjoni billi keċċa minnufih liż-żewġ kollegi tiegħu, Konrad Mizzi u Keith Schembri – xi ħaġa li baqa’ ma għamilx.

Intant l-editorjal ta’ The Malta Independent saħaq li Konrad Mizzi jrid jieqaf jilgħabha tal-vittma. Dan fl-isfond tal-kummenti li għadha dwaru l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo.

L-editorjal qal li Mizzi hu responsabbli għal ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta, u li fl-istorja se jibqa’ mniżżel bħala Ministru li falla.