Internazzjonali

Il-Mali: Imutu suldati Franċiżi f’ħabta bejn żewġ ħelikopters

Mietu talanqas tlettax il-suldat Franċiż meta żewġ ħelikopters ħabtu ma’ xulxin fl-ajru waqt li kienet għaddejja azzjoni kontra l-ġellieda ġiħadisti fil-Mali.

L-inċident irriżulta fl-akbar telf ta’ ħajja għall-militar ta’ Franza għal għexieren ta’ snin, bil-President Franċiż, Emmanuel Macron, jesprimi ‘is-sens ta’ niket profond’ għall-iżviluppi. Intant, l-inċident qed ikun suġġett għal investigazzjoni.

Il-ħabta – bejn ħelikopter tat-tip Tiger li jintuża waqt l-offensivi u ħelikopter għat-trasport militari – seħħet waqt li kienu qegħdin jagħtu appoġġ lill-qawwiet tal-art huma u jikkonfrontaw lill-ġiħadisti qrib il-fruntieri ta’ Burkina Faso u n-Niġer.

Fl-2013, Franza kienet stazzjonat eluf ta’ truppi fil-Mali wara li l-militanti Iżlamiċi f’dan il-pajjiż Afrikan ħatfu l-kontroll fiz-zoni lejn it-Tramuntana.

Minn dak iż-żmien ‘il hawn, l-Armata tal-Mali rnexxielha tieħu lura t-territorji li kienet tilfet, iżda fadal xorta element qawwi ta’ inċertezza qalb iz-zoni inkwistjoni — bil-vjolenza tal-ġiħadisti tinfirex lejn pajjiżi oħrajn tar-reġjun.

Illum Franza għandha madwar 4,500 suldat stazzjonati fir-reġjun inkwistjoni biex jappoġġjaw lill-qawwiet tal-Mali, il-Mawritanja, in-Niġer, Chad u Burkina Faso kontra l-militanti Iżlamiċi.

Ikkummenta